“4 ijiem sawm għall-vittmi tal-abbużi sesswali fil-Knisja”

L-Isqfijiet Awstraljani appellaw lill-insara madwar il-pajjiż biex jibdew ir-Randan b’erbat ijiem ta’ sawm għall-vittmi tal-abbużi sesswali fil-Knisja.
Waħda mit-talbiet għal dan iż-żmien ta’ penitenza titlob biex “dawk kollha li sfaw abbużati fiżikament, emozzjonalment jew sesswalment mill-ministri tagħkom ikunu rispettati u akkumpanjati b’ġesti tanġibbli ta’ ġustizzja u riparazzjoni biex iħossuhom imfejqa bil-balzmu tal-kompassjoni tagħkom. Nitolbu biex il-Knisja tkun dar sigura fejn it-tfal kollha u l-adulti vulnerabbli jersqu aktar qrib Ibnek il-Maħbub”.
F’messaġġ li ħarġet aktar kmieni dan ix-xahar, il-Konferenza Episkopali Awstraljana qalet li hi u mexxejja oħra tal-Knisja spiss urew sogħba u esprimew id-dispjaċir tagħhom u apoloġizzaw “għall-ħsara li sofrew il-vittmi, għal meta ppruvajna naħbu dawn l-istejjer u meta nqasna nemmnu lil dawk li sofrew u nqasna nwieġbu b’kompassjoni u ġustizzja u ma qisniex id-dwejjaq li ħafna għadhom jesperjenzaw”.
“Kultant l-apoloġiji tagħna dehru ftit wisq – mhux għax ma kinux sinċiera, imma għaliex tlifna l-fiduċja”, qalu l-Isqfijiet. “Aħna determinati li nassiguraw li l-abbuż fuq it-tfal ma jseħħ qatt aktar fil-Knisja Kattolika u rridu nibnu rabtiet ġodda ta’ fiduċja”.
Filwaqt li ppubblikaw diversi riżorsi ta’ talb biex jintużaw mill-insara kemm fil-privat kif ukoll fil-parroċċi u postijiet pubbliċi, l-Isqfijiet Awstraljani qalu li “Permezz tas-sawm irridu nuru solidarjetà mal-vittmi li sofrew dan l-abbuż li għandhom għatx kbir għall-fejqan u l-paċi f’ħajjithom. Bir-riparazzjoni npattu għad-dnubiet ta’ dawk fil-Knisja li abbużaw mit-tfal jew li naqsu li jisimgħu u jieħdu azzjoni fejn messhom għamlu dan”.
Is-sejħa tal-Isqfijiet saret fid-dawl tar-rapport pubblikat f’Diċembru li għadda minn Kummissjoni Rjali li investigat l-abbużi sesswali fuq it-tfal.  Il-Kummissjoni twaqqfet fl-2013 biex tinvestiga kif kienu trattati allegazzjonijiet ta’ abbuż fuq it-tfal fi gruppi reliġjużi, skejjel, organizzazzjonijiet governattivi u assoċjazzjonijiet sportivi.  Irriżulta li kienu saru allegazzjonijiet kontra 384 saċerdot djoċesan, 188 reliġjuż, 579 brothers u 96 soru mill-1950 ‘l hawn. 7% tal-qassisin kattoliċi li ħadmu fl-Awstralja bejn l-1950 u l-2009 kienu akkużati b’delitti sesswali fuq it-tfal.
F’Marzu tal-2016 il-Kardinal George Pell, li kien Arċisqof ta’ Sydney kien akkużat minn tlett irġiel b’imġiba sesswali mhux flokha, meta dawn kienu għadhom fl-iskola San Alipius. Hu ċaħad dawn l-akkużi u rritorna lura mill-Vatikan biex jiddefendi ismu fil-Qorti fl-Awstralja.
L-Isqfijiet qalu li r-rapport tal-Kummissjoni Rjali għandu jservi bħala “mument ġdid” għall-Awstralja u għall-Knisja. “Qed insejħu lill-komunità Kattolika biex tilqa’ dan il-mument ġdid billi nibdew l-istaġun tal-penitenza tar-Randan b’erbat ijiem ta’ sawm u riperazzjoni biex nuru x-xewqa tagħna għar-rikonċiljazzjoni m’Alla u l-grazzja tal-fejqan”.
“Il-passat ma nistgħux inħassruh. Imma bl-għajnuna t’Alla, il-futur nistgħu nagħmluh aħjar”, qalu l-Isqfijiet. Huma sostnew li l-Knisja hi impenjata biex tmexxi politika u toħloq proċeduri u strutturi li jwieġbu aħjar għall-ħtiġijiet ta’ dawk abbużati u l-familji tagħhom u stabbiliet livelli professjonali għall-ministri u l-ħaddiema kollha fi ħdanha biex tissalvagwardja lit-tfal u l-persuni vulnerabbli.
Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Rjali f’partijiet minnhom kienu kontroversjali, bħal fejn irrakkomandat li s-saċerdoti jkunu obbligati legalment biex jikxfu dettalji ta’ abbużi sesswali li jsiru jafu bihom waqt il-qrar jew jiffaċċjaw proċeduri legali.  Skont il-Liġi Kanonika, saċerdot li jikser is-sigriet tal-qrar jiġi awtomatikament skomunikat.