4 ijiem għal-logħob tan-nar fi 3 postijiet

Il-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar ta’ din is-sena se jsir fl-aħħar ta’ dan ix-xahar u fl-ewwel ġimgħa ta’ Awwissu li ġej. Fil-festival, li din is-sena se jkun fid-19-il edizzjoni tiegħu, se jipparteċipaw sitt kumplessi tan-nar barranin u wieħed lokali. Il-kumplessi barranin ġejjin mir-Renju Unit, l-Isvizzera, l-Italja (tnejn), Franza u l-Ukrajna. Il-kumpless lokali se jkun dak tal-Post tan-Nar Sant’Andrija, Ħal-Saflini, Ħal-Luqa.

Il-Gvern fi stqarrija qal li l-wirjiet kompetittivi se jkunu akkumpanjati minn spettakli ta’ nar provduti minn diversi kmamar tan-nar Maltin bl-għadd tagħhom ikun ta’ madwar 37.

F’liema ġranet se jsir il-festival?

  • Il-Ġimgħa, 24 ta’ Lulju fix-Xagħra.
  • It-Tnejn u l-Erbgħa, 27 u 29 ta’ Lulju fl-Imqabba.
  • Il-Ġimgħa, 7 ta’ Awwissu, il-Gran Finale fil-Port il-Kbir.

Dettalji dwar il-festival, li se jkun organizzat mill-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur flimkien mal-Awtorità għat-Turiżmu, ingħataw waqt Konferenza tal-Aħbarijiet mill-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli u minn Dr Gavin Gulia, Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.

Kull parteċipant tal-kompetizzjoni se jkun qed jingħata s-somma ta’ €15,000 bir-rebbieħ ippremjat €4,000 aktar u min jikklassifika fit-tieni u t-tielet post jieħu ammont addizzjonali ta’ €2,000 u €1,000 rispettivament.