4 ijiem bid-dawl jinqata’ fil-Gudja; “Ma nafx hux tad-daħk jew tal-biki” – resident

Resident tal-Gudja lmenta li d-dawl ilu erbat ijiem imur u jiġi.

Hu u jitkellem ma’ Newsbook.com.mt, ir-raġel qal illi ma jafx din is-sitwazzjoni hijiex waħda tad-daħk jew tal-biki, imma hi żgur, għalihom ir-residenti, “tal-orrur.”

Fl-aħħar jiem, kien hemm qtugħ fil-provvista tal-elettriku f’bosta lokalitajiet fin-Nofsinhar ta’ Malta, fosthom f’Santa Luċija u s-Siġġiewi. In-naħa tan-nofs ta’ Malta wkoll kienet affettwata billi nqata’ d-dawl f’Ħal Lija, Ħal Balzan u Birkirkara fost l-oħrajn.

Is-Sibt l-Enemalta ħarġet stqarrija li fiha spjegat illi l-kaġun tal-qtugħ fil-provvista tal-elettriku huwa għadd ta’ high-tension cables li huma parti mid-distribuzzjoni tad-dawl tagħha, imma kkjarifikat li dan in-network ta’ cables huwa biżżejjed għad-domanda tal-pajjiż.

Il-kumpanija qalet li minkejja li issa l-provvista reġgħet lura għan-normal, it-tekniċi tagħha qegħdin jaħdmu lejl u nhar biex jaraw li jissewwew il-ħsarat li kien hemm. Minkejja dan, ma eskludietx li jaf jinqata’ d-dawl f’lokalitajiet oħra minħabba x-xogħlijiet għaddejjin.

Intant, ir-resident ilmenta li dan qed jikkawża ħafna ħsarat fl-apparat elettroniku li jaf ikun imqabbad mad-dawl meta jinqata’. Spjega li ġieli d-dawl jinqata’ għal kwarta biss u jerġa’ jiġi, imma hemm drabi meta jinqata’ anke għal siegħa u nofs. Semma li dan huwa problematiku għal min qed jaħdem mid-dar minħabba l-imxija tal-coronavirus.

Meta r-resident staqsa lill-Enemalta x’kienet ir-raġuni għal din is-sitwazzjoni, qalulu li kien hemm overload fis-sistema. Mistoqsi minn Newsbook.com.mt, kelliem għall-Enemalta tenna li r-raġuni hija l-high-tension cables imsemmijin fl-istqarrija.

Newsbook.com.mt staqsa wkoll kemm huwa stmat li fadal biex jintemmu t-tiswijiet, iżda ma rċeviex tweġiba dwar dan.