4 ġimgħat “priġunieri ta’ Malta” fuq vapur tal-merkanzija – Alarm Phone

Read in English.

L-NGO Alarm Phone sostniet li 27 immigrant ilhom erba’ ġimgħat “priġunieri ta’ Malta” fuq vapur tal-merkanzija ‘l barra mill-ibħra territorjali Maltin.

Permezz ta’ tweet, l-NGO spegat li l-immigranti ilhom erba’ ġimgħat fuq il-bastiment magħruf bħala Etienne. Qalet li dawn qed ikunu miċħuda mid-dritt tagħhom tal-ħelsien u l-ażil. Sostniet li kemm huma, kif ukoll il-qraba tagħhom qed isofru, b’inċertezza kbira ta’ jekk hux se jitħallew jiddaħħlu fl-Ewropa jew hux se jintbagħtu lura l-Afrika ta’ Fuq.

Bħalissa, il-bastiment jinsab 16.3 mili nawtiċi ‘l barra miż-żona ta’ Wied il-Għajn. Minkejja li l-bastiment jinsab ‘il barra mill-ibħra territorjali Maltin, jinsab fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ Maltija.

Skont is-sit Times of Malta, l-immigranti abbord qed jheddu li se jaqbżu l-baħar. Intant, Tommy Thomassen, iċ-chief technical officer Maersk Tankers qal ma’ ġurnali barranin li għamlu 29 jum jistennew li l-awtoritajiet jieħdu azzjoni mingħajr ma jitkellmu mal-midja.

Mal-ġurnal Taljan il Manifesto, Thomassen qal li ppruvaw jaslu għal soluzzjoni billi jitkellmu ma’ persuni u awtoritajiet relevanti permess tal-Assoċjazzjoni Marittima Daniża. Qal li minkejja li kien hemm intenzjonijiet tajbin u ħafna simpatija, baqgħet ma nstabet l-ebda soluzzjoni. Qal li m’hemmx data ta’ meta jistgħu jiżbarkaw lill-immigranti minn fuq il-bastiment tagħhom. Irrimarka li s-sitwazzjoni hija waħda diffiċli dan minħabba li l-bastiment huwa wieħed tal-merkanzija u mhux magħmul biex jakkomoda passiġġieri.

Il-ġurnal qal li Thomassen spjega kif il-kaptan u l-ekwipaġġ ipprovdew l-assistenza kollha neċessarja lis-27 persuna salvati u qasmu magħhom l-ikel, il-ħwejjeġ u l-ilma. Qal li fuq il-bastiment diġa kien hemm 21 membru tal-ekwipaġġ u dak huwa l-massimu ta’ passiġġieri li jista’ jakkomoda dan il-bastiment. Qal li issa hemm aktar mid-doppju tal-persuni abbord. Huma għamlu minn kollox biex sabu żona fejn setgħu jakkommodaw lil dawn il-persuni, iżda issa għadda ħafna żmien.

“Il-kumpanija li nirrappreżenta dejjem qdiet id-doveri tagħha: ma nħallux persuni jgħerqu. Ħsibna li s-sitwazzjoni se tissolva fi ftit jiem. Qatt ma għaddielna minn moħħna li se nibqgħu hekk għal xahar sħiħ,” insista Thomassen.

Filwaqt li qal li ma jistax jitkellem f’isem l-awtoritajiet Maltin, Thomassen spjega li l-bastiment kien intalab jagħmel il-ħidma ta’ salvataġġ mill-Valletta Maritime Rescue Coordination Centre. Qal li huma wieġbu għal din it-talba, iżda issa l-awtoritajiet kompetenti jridu jagħmlu l-parti tagħhom.