“4 ġimgħat nistennew dokument mill-Gvern; se nordnaw direttivi” – MUMN

Wara erba’ ġimgħat mill-laqgħa li l-Unjin Maltija tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) kellha mal-Gvern, għadha sa issa ma’ rċevietx id-dokument tal-qbil li kienu waslu għalih. Dan qalu ma’ Newsbook.com.mt is-Segretarju Ġenerali tal-MUMN, Colin Galea li sostna li jekk dan id-dokument ma jasalx sal-ġimgħa se jerġgħu jidħlu fis-seħħ id-direttivi industrijali.

Fost id-direttivi li nħarġu xi xhur ilu kien hemm li l-ħaddiema ma jużawx il-mowbajls u ma jagħmlux xogħol klerikali ħalli jkunu jistgħu jiffukaw fuq il-kura tal-pazjenti, kif ukoll li ma jassistux lit-tobba fiż-żona tal-Outpatients.

Fi stqarrija, l-MUMN spjegat li l-Unjin kitbet lis-Segretarji Permanenti fil-Ministeru tas-Saħħa u l-Ministeru tal-Familja tipprotesta għad-dewmien żejjed biex jintbagħat id-dokument finali. Galea insista ma’ Newsbook.com.mt li d-deċiżjonijiet verbali kienu diġà ittieħdu u li ma jistax jifhem kif il-Gvern għadu s’issa ma vevrbalizzax dan id-dokument.

Intant, fl-istqarrija sostniet li d-direttivi jidħlu fis-seħħ min-nhar is-Sibt, 29 ta’ Settembru, mis-7am-il quddiem. L-infermiera u l-qwiebel li jaħdmu fl-isptarijiet, djar tal-anzjani, ċentri tas-saħħa u postijiet tax-xogħol oħra madwar iż-żewġ gżejjer Maltin se jkunu qed jintalbu jsegwu dawn id-direttivi.