4 Għawdxin jingħataw unur li ġej mill-Papa għas-servizz lill-Knisja

Fl-aħħar ġimgħat, il-Mons. Mario Grech, Isqof emeritu għal Għawdex, għadda l-onorifiċenza “Pro Ecclesia et Pontifice” (PEP) lil erba’ membri tal-komunità djoċesana Għawdxija. Dan l-unur jingħata mill-Qdusija Tiegħu l-Papa lil dawk l-Insara li jkunu ddistingwew ruħhom għas-servizz mogħti lill-Knisja f’xi qasam jew ieħor.

Fi stqarrija kien spjegat li dawn l-erba’ persuni huma Maria Attard (mix-Xagħra), Toni Grima (mix-Xewkija), Charles Spiteri (minn Għajnsielem), u Antoine Vassallo (mir-Rabat, Għawdex).

X’qal Mons. Grech lil Maria Attard?

“B’sens qawwi ta’ gratitudni għal dak li wettaqt fil-Knisja, qed ngħaddilek dan ir-rikonoxximent tal-Papa Franġisku partikularment għal dawn il-ħidmiet… Fit-twettiq tal-professjoni tiegħek ta’ għalliema dejjem ippruvajt tagħġen it-tagħlim akkademiku mal-valuri tal-Vanġelu u hekk għent fit-tiswir ta’ ġenerazzjonijiet sħaħ. Bqajt tinteressa ruħek mill-formazzjoni ħolistika tal-istudenti anki wara li ħallejt it-tagħlim. Imbagħad kont int li flimkien ma’ Mons. Manwel Curmi ftaħtu u mexxejtu d-Dar Ġużeppa Debono, fejn kontu tilqgħu x-xebbiet li kienu jkunu qed jistennew tarbija. Ma kienx żgħir is-sehem tiegħek biex tiġi msaħħa fostna kultura favur il-ħajja, speċjalment tat-tarbija fil-ġuf, u hekk ippruvajt tfisser il-kruha tal-abort. Fuq kollox, int kont dik li waqqaft il-Komunità Anawim – fejn fuq il-linji tal-istituti sekulari, xebbiet jagħmlu l-konsagrazzjoni tagħhom lil Alla filwaqt li jibqgħu fid-dinja. Ippruvajt tqabbad din it-triq tal-konsagrazzjoni lil grupp ta’ nisa romol. Misjuqa mill-imħabba missjunarja, inti qed taħdem biex din il-kariżma tixxettel ukoll fil-Gwatemala.”

X’qal Mons. Grech lil Toni Grima?

“Il-Papa laqa’ t-talba li għamiltlu biex jagħtik l-onorifiċenza tal-PEP għall-impenn sħiħ tiegħek fil-Knisja f’Għawdex. B’dan l-għarfien nixtieq nesprimi l-gratitudni u l-apprezzament tiegħi lejk personalment għax bħala Soċju tal-Museum għaddejt ħajtek tgħallem il-katekiżmu lit-tfal f’diversi oqsma mxerrda mad-Djoċesi – fik jien nilmaħ lil sħabek il-membri kollha tal-Museum (irġiel u nisa) li lejhom jiena rikonoxxenti għad-dedikazzjoni tagħhom biex jagħtu tagħlim Nisrani lit-tfal tagħna. Napprezza s-servizz li tajt matul il-ħames snin li bħala Soċju inti kont Superjur Reġjunali. Irrid ngħidlek grazzi wkoll tal-kollaborazzjoni li sibt fik f’diversi proġetti amministrattivi tad-Djoċesi u fl-organizzazzjoni ta’ diversi ċelebrazzjonijiet djoċesani. Fuq kollox napprezza l-ħidma tiegħek fil-Parroċċa tiegħek tax-Xewkija.”

X’qal Mons. Grech lil Charles Spiteri?

“Pajjiżna jafek bħala ġurnalista veteran u għal ħafna snin ismek hu sinonomu ma’ dak li jixxandar dwar Għawdex. Snin ilu, meta l-komunikazzjoni soċjali ma kinitx daqshekk mifruxa, b’mod għalkollox volontarju int impenjajt ruħek biex tikkomunika aħbarijiet dwar il-ġrajjiet li jseħħu f’Għawdex. Ħafna drabi kien bl-isfiq ta’ wiċċek li kont tasal biex, l-ewwel tiġbor xi tagħrif, imbagħad tikseb spazju fil-gazzetta biex tidher l-aħbar. Dak li int għamilt dwar Għawdex, għamiltu wkoll mad-Djoċesi Għawdxija. Int kont il-kanal biex il-ħajja tal-għaqdiet reliġjużi, tal-parroċċi tad-Djoċesi u tal-missjunarji Għawdxin issir aħbar nazzjonali. Għal ċerti snin kont kontributur regolari tar-Rivista djoċesana Il-Ħajja f’Għawdex. Għal din l-imħabba tiegħek lejn il-Knisja, il-Papa Franġisku laqa’ t-talba tagħna li jagħtik il-PEP.”

X’qal Mons. Grech lil Antoine Vassallo?

“B’rikonoxximent għad-dedikazzjoni eżemplari tiegħek fil-Knisja, il-Papa laqa’ t-talba li ressaqtlu biex jagħtik l-onorifiċenza tal-PEP. Barra li kont għalliem, inti kont membru tal-Kunsill Pastorali Djoċesan u bħala membru attiv fl-Azzjoni Kattolika kont membru tal-Kummissjoni Djoċesana għall-Appostolat tal-Lajċi (KDAL). Urejt id-disponibbiltà tiegħek meta tlabtek biex tkun President Djoċesan tal-Azzjoni Kattolika f’Għawdex. Għal diversi snin kont tirrappreżenta lid-Djoċesi fil-Kunsill Reġjonali ta’ Għawdex. Dejjem kont attiv fil-Parroċċa tiegħek ta’ San Ġorġ.”