Binja mitluqa se tinbidel f’4 awli u 25 uffiċċju ġdid tal-qorti

Edward Zammit Lewis
MJEG

Read in English.

Il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis ħabbar proġett ta’ kważi €5 miljun bl-għan li jiġi estiż il-bini tal-qrati fil-Belt Valletta, biż-żieda ta’ erba’ awli u 25 uffiċċju ġdid.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Zammit Lewis qal li fi żmien sentejn, binja mitluqa biswit il-qorti eżistenti fi Triq id-Dejqa, se tiġi renovata u ristrutturata.

Il-Ministru Zammit Lewis tkellem fuq kif matul dawn l-aħħar 10 xhur, ix-xogħol ma waqafx, peress li nfetaħ l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, beda x-xogħol fuq l-Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Liġi, saret riforma fl-Uffiċċju tal-Irkupru tal-Assi, u r-restawr u bini ġdid għall-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat li ssir l-inawgurazzjoni tiegħu fil-ġimgħat li ġejjin. Il-Ministru kompla jgħid li dan il-proġett huwa parti minn kullana ta’ proġetti li qed jittieħdu sabiex jagħmlu l-ġustizzja aktar aċċessibbli għaċ-ċittadin.

Is-Segretarju Permanenti Johan Galea elenka l-fatt li ilu snin twal jinħass il-bżonn ta’ aktar spazju adekwat fil-qorti u dan il-proġett, waqt li se jsolvi din il-problema, se jkun qed joffri ambjent aktar dinjituż lill-ħaddiema kollha, inkluż għal-ġudikanti.

Id-Direttur tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati Frank Mercieca spjega li dan il-proġett se jsir fuq medda ta’ sentejn. L-ewwel hemm il-fażi ta’ applikazzjonijiet mal-Awtorità tal-Ippjanar u mbagħad proċess ta’ tendering. Wara li jitlesta dan il-proċess, se jibda x-xogħol ta’ rinovar u ristrutturar, biex dawn l-awli u uffiċini ġodda jibdew joperaw fl-iqsar żmien possibbli.