4 artisti Għawdxin għall-Parlament Ewropew

Erba’ artisti kontemporanji Għawdxin se jippreżentaw 24 biċċa xogħol artistika, li jixhdu r-realtajiet u l-aspirazzjonijiet tal-Għawdxin, fis-sala ewlenija tal-Parlament Ewropew fi Brussell.
Il-wirja se tkun miftuħa bejn is-6 u d-9 ta’ Marzu li ġej.
Waqt laqgħa li kellu mal-artisti Għawdxin, il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista Alfred Sant, saħaq kif artisti bħal Rachel Galea, Kris Saliba, Manuel Farrugia u Anthony Caruana, flimkien ma’ intraprendituri artiġjanali jistħoqqilhom aktar appoġġ u aprezzament fejn jidħlu inizjattivi biex isaħħu l-oqsma tagħhom.
Huwa sostna kif dawn l-artisti “qed jagħmlu d-differenza filwaqt li jegħlbu d-diffikultajiet ekonomiċi u soċjali li jirriżultaw mill-insularità doppja li jsofri Għawdex, bħal gżejjer oħra fl-UE”.
L-artisti Għawdxin flimkien mal-operaturi fis-settur tal-agrituriżmu qalu lill-Ewroparlamentari li l-fatt li ġejjin minn gżira żgħira isaħħaħ id-determinazzjoni tagħhom biex ikunu kreattivi fis-setturi rispettivi tagħhom.