4 arrestati minħabba d-droga

CMRU

Matul il-ġurnata tal-Ħamis, il-pulizija arrestat 4 persuni b’suspett ta’ allegat traffikar ta’ droga fil-Mosta.

F’ħidma konġunta l-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga u l-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit waslet biex issib madwar ħames kili allegatament ħaxixa tal-cannabis.

CMRU

Fi stqarrija l-Pulizija spjegat li l-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, kienu ilhom diversi ġimgħat jgħassu garaxx fi Triq il-Buffula l-Ħamra fil-Mosta. Il-Ħamis filgħodu, l-Pulizija bdiet issegwi l-movimenti ta’ żewġ persuni li kienu ġo vettura. Wara xi ħin, din il-vettura waqfet fi Triq il-Buffula l-Ħamra, biż-żewġ persuni, raġel ta’ 46 sena residenti l-Mosta u mara ta’ 22 sena ta’ nazzjonalità Russa residenti s-Siġġiewi, niżlu mill-vettura u daħlu fil-garaxx.

Il-Puliziija kompliet tispjega li huma daħlu fil-garaxx fejn hemmhekk sabu raġel ta’ 36 sena residenti l-Mosta maġenb vettura pparkjata fil-garaxx. Wara tfittxija li saret fuq il-post u fil-karozza nstabu ħames pakketti kbar b’sustanza allegatament droga cannabis. Il-Pulizija sabet ukoll madwar €10,000 fi flus kontanti u affarijiet oħra relatati mad-droga.

Waqt din l-operazzjoni l-pulizija elevaw diversi karozzi lussużi minn ġol-garaxx.

Il-Pulizija arrestaw wkoll mara ta’ 58 sena li tgħix f’residenti li hija parti mill-garaxx u li l-vettura li fiha nstabet id-droga hija wkoll fuq isimha.

Dwar dan il-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Donatella Frendo Dimech LL.D, li qed tmexxi inkjesta. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.