4.7 miljun passiġġier mistennija jgħaddu mill-MIA din is-sena

Matul is-sena li għaddiet għaddew 4,618,642 passiġġier mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta filwaqt li qed ikun imbassar li din is-sena l-passiġġieri se jiżdiedu bi 2.4% għal aktar minn 4,730,000.
Il-Kap Eżekuttiv tal-MIA Alan Borg ħabbar li tliet linji tal-ajru ġodda se jibdew titjiriet lejn Malta fis-sajf li b’Volotea lejn Katanja, Iberia Express lejn Madrid u Czech Airlines lejn Praga.
Qal li EasyJet se tibda titjiriet lejn Ġinevra filwaqt li Ryanair se żżid għaxar titjiriet fis-sajf fosthom lejn Poznan, Baden u Cologne.
Se jiżdiedu wkoll it-titjiriet lejn Ateni, Budapest u Ħelsinki permezz ta’ Aegean, Wizzair u Finnair rispettivament.
Il-Kap Eżekuttiv tal-MIA qal li x-xahar li għadda tħabbru aktar pjanijiet ta’ investiment li jinkludu SkyParks 2, b’investiment ta’ €40 miljun, l-espansjoni tat-terminal bi €28 miljun u €9.8 miljun ewro f’nefqa kapitali għall-2016.
Alan Borg qal li l-2015 kienet sena pożittiva għall-MIA, b’żieda ta’ 7.7% fin-numru tal-passiġġieri meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.
Kien hemm ukoll żieda ta’ 6.3% fil-moviment tal-ajruplani u żieda ta’ 5.8% fis-seat capacity.
Matul is-sena li għaddiet, is-swieq ewlenin baqgħu dak tar-Renju Unit b’żieda ta’ 4.7%, l-Italja b’żieda ta’ 13.3% u l-Ġermanja b’żieda ta’ 3.1%.
Kien hemm ukoll żidiet mit-Turkija, il-Polonja u l-Iżvizzera.
Ġew irreġistrati żidiet fis-seat load factor għal 81.1% filwaqt li l-merkanzija u l-posta żdiedu b’5.6% għal 16,414-il tunnellata.