4,000 vettura iktar fi tliet xhur

Fl-aħħar ta’ Ġunju ta’ din is-sena, in-numru ta’ vetturi liċenzjati kien ta’ ftit aktar minn 329,000. Dan ifisser żieda ta’ 1.2% jew 3,895 vettura fuq l-ewwel tliet xhur tas-sena.
Skont stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, 79% huma karozzi privati, 14% vetturi kummerċjali u 5.4% muturi. Xarabanks u minibuses jammontaw għal inqas minn 1%.
Bejn April u Ġunju, ħarġu 5,290 liċenzja ġdida, li 46% minnhom kienu fuq vetturi ġodda. 79% minnhom ħarġu fuq karozzi privati, filwaqt li 565 fuq muturi.
Irriżulta wkoll li f’dawn it-tliet xhur, ġew skreppjati madwar 800 vettura, filwaqt li kważi 61% tal-vetturi jaħdmu bil-petrol.