11-il kunsill bi żbilanċ fil-finanzi

Ħdax-il Kunsilli mhux se jkunu jistgħu jlaħħqu mal-obbligi finanzjarji minħabba żbilanċ fil-kotba finanzjarji, tlieta oħra li huma l-Birgu, Kalkara u l-Belt Valletta ma setax issir verifika dwarhom u 11 oħra ma ssottomettewx ir-risposta tagħhom għall-Management Letter. Din l-istampa toħroġ mill-aħħar rapport tal-Awditur Ġenerali Charles Deguara dwar il-ħidma tal-Gvern Lokali matul is-sena li għaddiet.

Deguara llum ippreżenta lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia, ir-Rapport Annwali tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) fuq il-ħidma tal-gvern lokali matul is-sena 2018. 

Erbgħa u ħamsin (54) kunsill lokali, tliet (3) kumitati reġjonali u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali ssottomettew l-audited financial statements sad-data stipulata tat-30 ta’ April 2019.

Sa nofs Ottubru 2019, li kienet l-aħħar data ta’ skadenza tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika qabel dan seta’ jagħmel l-analiżi tiegħu għall-pubblikazzjoni ta’ dan ir-rapport, il-Kunsill Lokali tal-Qrendi kif ukoll il-Kumitat Reġjonali ta’ Għawdex kienu għadhom ma pprovdewx laudited financial statements.

L-Awdutir jgħid li hu tat-tħassib il-fatt li:

  • hu ma setax jesprimi l‑opinjoni ta’ verifika tiegħu dwar il‑Financial Statements kif preżentati mill-kunsilli lokali tal-Birgu, tal-Kalkara u tal-Belt Valletta minħabba nuqqas ta’ rekords finanzjarji u ta’ dokumentazzjoni oħra;
  • l-Audit Reports ta’ wieħed u ħamsin (51) awtoritajiet lokali oħra ġew kwalifikati minħabba restrizzjonijiet li ma jaqgħux taħt il-kontroll tal-Awditur;
  • ħdax (11)-il kunsill lokali rrappurtaw Working Capital negattiv. Dan ifisser li tali kunsilli mhux sa jkunu jistgħu jlaħħqu mal-obbligi finanzjarji tagħhom fil-futur qarib; u
  • ħdax (11)-il awtorità lokali ma ssottomettewx ir-risposta tagħhom għall-Management Letter sa nofs Ottubru 2019.