395 persuna l-Qorti akkużati b’falsifikar ta’ passaport fl-aħħar 5 snin

Il-Ministru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia qal li s-sena l-oħra kien hemm 11-il persuna li ġew akkużati fil-Qorti li ppruvaw jagħmlu użu minn passaporti maħruġin għal persuni oħrajn.

Meta kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina, Farrugia qal li dawn l-individwi kienu mill-Ghana, mill-Gambja, mill-Mali, mis-Sirja, min-Niġerja, u mis-Simolja.

Huma ngħataw piena bejn xahrejn u 18-il xahar ħabs. S’issa fl-2019, għadu ma ġie akkużat ħadd b’użu ta’ passaporti maħruġin għal persuni oħrajn.

Mis-sena 2013 sal-aħħar ta’ Frar ta’ din is-sena kien hemm 395 każ fejn persuni barranin instabu li għamlu użu b’passporti falsifikati u li ġew maqbuda.

Dawn il-persuni kienu ta’ Nazzjonalità diversa. Fosthom kien hemm Afgani, Albaniżi, Kongoliżi, nies mill-Costa tal-Ivorju, Eġizzjani, Eritrej, Ethiopiani, Iranjani, Libjani, nies mill-Mali, min-Niger, Niġerjani, Serbi, Somali, Sudaniżi, Sirjani, Torok, Gambjani, Lebaniżi, Senegaliżi, Bosniaċi, Kolumbjani, Russi u Togoliżi fost oħrajn.

Kien hemm erba’ persuni li ġew liberti u 12-il każ għadu pendenti, waqt li fil-każijiet l-oħra, l-persuni mressqa kollha nstabu ħatja.

Il-pieni kienu jvarjaw minn priġunerija effettiva, għal sentenzi sospiżi b’perjodi diversi u libertà kundizzjonata. Matul l-aħħar sitt snin kien hemm 9361 rapport dwar passporti mitlufa li 8067 minnhom baqgħu ma ġewx irraportati misjuba.