38 vettura f’sentejn ma jgħaddux mit-test tad-dħaħen

Kienu biss 38 il-vetturi li wara li sarilhom it-test tal-emissjonijiet wara rapport b’sms, m’għaddewx mit-test. Il-Gvern ħareġ ukoll 155 restrizzjonijiet fuq liċenzji ta’ vetturi wara li s-sidien tagħhom ma marrux għat-test minkejja li ntbagħtitilhom anke t-tieni notifika.
Il-Ministru tat-Trasport Joe Mizzi qal dan fil-Parlament fi tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Marthese Portelli.
Spjega li bejn Marzu tal-2013 u Diċembru li għadda, Transport Malta ħarġet 681 notifika lil sidien ta’ vetturi li dwarhom kien hemm rapporti li jdaħħnu żżejjed, biex isirilhom it-test tal-emissjoni. Din iċ-ċifra tinkludi wkoll it-tieni notifika li nħarġet lil xi sidien.
Il-Ministru spjega li sal-21 ta’ Jannar li għadda Transport Malta rċeviet total ta’ 22,183 sms b’rapport dwar dħaħen żejjed minn vetturi. Fakkar li kull sms jiswa €0.05.