38 uffiċjal pubbliku affaċċja proċessi kriminali fl-2016

Il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku (PSC) s-sena li għaddiet ħadet azzjoni fuq 38 każ ta’ uffiċjali pubbliċi li kienu qed jaffaċċjaw proċessi kriminali.
Il-PSC hi entità awtonoma u indipendenti mwaqqfa apposta biex tibgħat rakkomandazzjonijiet lill-Prim Ministru dwar l-uffiċjali pubbliċi tiegħu, mill-mod kif dawn jiddaħħlu jaħdmu fil-kariga, sa anki jekk ikunx ħaqqhom promozzjoni, inkella li saħansitra jitkeċċew minn xogħolhom.
Fir-rapport annwali ppubblikat ilbieraħ, il-kummissjoni nnutat li mit-38 każ imsemmija, f’għaxar każijiet ġie rrakkomandat lill-PM biex iwaqqaf temporanjament is-sospensjoni sakemm jintemm il-proċess u tiġi mħabbra penali mistħoqqha, f’sitt każijiet oħra l-kummissjoni talbet li jkun hemm is-sospensjoni temporanja tal-uffiċjal.
Sadanittant, fi 15-il każ l-uffiċjal instab ħati u ngħata l-penali mistħoqqha, fosthom erba’ tkeċċijiet u ż-żamma tal-paga.
Fis-7 każijiet li jifdal instab li l-uffiċjal ma kienx ħati.
Matul l-2016 kien hemm ukoll 16-il każ dixxiplinarju meqjus bħala serju, u l-PSC qal li jekk tqis id-disa’ każijiet dixxiplinarji mressqa quddiemha, b’kollox kien hemm total ta’ 24 każ b’uffiċjali jieħdu l-penali mingħand il-kummissjoni.
Aqra r-rapport sħiħ bl-Ingliż minn hawn taħt.
Ritratt: Ian Noel Pace