38 persuna oħra jfiqu mill-coronavirus – Fearne

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li 38 persuna oħra fiequ mill-coronavirus. Hu qal dan fi tweet kmieni dalgħodu.

B’hekk issa, it-total ta’ persuni li fiequ mill-coronavirus fil-pajjiż tela’ għal 82. L-ewwel każ tal-coronavirus f’Malta tfaċċa nhar is-7 ta’ Marzu. Sal-bieraħ f’Malta nstabu 399 każ ta’ persuni pożittivi għall-virus. Wara l-aħħar għadd ta’ persuni li fiequ, jidher li issa f’Malta fadal total ta’ 317-il persuna pożittivi għall-virus.

Intant, id-Deputat Prim Ministru flimkien mal-Prim Ministru Robert Abela llum żar iċ-ċentru tas-saħħa f’Raħal Ġdid, fejn żaru u tkellmu ma’ diversi ħaddiema fil-kura primarja minn għadd ta’ lokalitajiet madwar Malta.

Waqt iż-żjara, li bħala prekawzjoni seħħet barra miċ-ċentru tas-saħħa, il-Prim Ministru kellu ċ-ċans jitkellem mhux biss mal-ħaddiema stazzjonati f’Raħal Ġdid imma ma’ front-liners li jaħdmu f’ċentri tas-saħħa oħrajn.

Il-Prim Ministru sellem ukoll lil dawk il-ħaddiema li baqgħu fiċ-ċentru tas-saħħa billi ħarġu jittawlu mit-twieqi tagħhom b’għadd ta’ sinjali bil-kitba fuqhom ‘Stay Home, Stay Safe’. F’mumenti partikolari, dawk kollha preżenti ngħaqdu f’ċapċipa ta’ ringrazzjament u ta’ solidarjetà lejn xulxin u lejn il-poplu Malti u Għawdxi tal-koperazzjoni tiegħu.

F’kummenti li għadda, il-Prim Ministru rringrazzja lill-ħaddiema kollha tas-sagrifiċċji tagħhom u appella lill-poplu kollu sabiex inkunu rikonoxxenti lejn il-ħidma sfiqa ta’ kull persuna.

Preżenti kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tas-Servizzi tas-Saħħa Primarja Roseanne Camilleri li akkumpanjat lill-Prim Ministru u lid-Deputat Prim Ministru matul iż-żjara.

Il-coronavirus madwar id-dinja

Meta wieħed iħares mil-lat internazzjonali, il-każijiet ikkonfermati madwar id-dinja issa qabżu iż-żewġ miljuni biex hawn total ta’ 2,084,042 persuni li nstabu pożittivi. Minn dawn irkupraw 515,090. Minnhom hawn 1,434,283 li nstabu pożittivi. L-imwiet internazzjonali telgħu għal 133,669 mewta.

L-aħħar żviluppi dwar il-coronavirus f’Malta:

Skont il-bullettin li ħareġ ilbieraħ filgħaxija mill-Gvern, fl-aħħar jum kien hemm dawn l-iżviluppi:

  • 6 każi ġodda, fosthom 3 residenti fiċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far. L-oħrajn huma student, skrivan mal-gvern u skrivana f’lukanda f’Għawdex.
  • Twissija mill-ġdid mill-awtoritajiet li n-numru ta’ każijiet ġodda ma jfisser xejn għax l-imxija għadha m’għaddietx u l-firxa tal-virus għadha mhix ikkontrollata.
  • Kull min iħossu anzjuż għandu jċempel fuq il-helpline 1770 biex jingħata wens. F’temp ta’ ġimgħa diġà użawh 350 persuna
  • S’issa saru aktar minn 20,000 swab – Malta tibqa’ bit-tielet l-ogħla rata fid-dinja ta’ testijiet għall-coronavirus
  • F’Malta s’issa persuna minn kull 39 sarilha t-test
  • Twaqqif ta’ 4 ċentri għat-testijiet f’Malta u Għawdex u nxtara tagħmir robotiku biex jipproċessa sa 800 test kuljum
  • Twaqqif ta’ 2 ċentri biex jagħtu servizz ta’ appoġġ lill-klijenti li jkollhom mistoqsijiet x’jagħmlu għal suġġetti ta’ natura medika u biex jindirizzaw talbiet għal żjarat mit-tobba fid-djar lejn iċ-Ċentru tat-Telemediċina. Joperaw 24 siegħa kuljum. Iċ-Ċentru tat-Telemediċina jieħu ħsieb ukoll il-monitoraġġ mediku ta’ pazjenti bil-Covid-19 li jintbagħtu fi kwarantina d-dar wara li jkunu ġew rikoverati kif ukoll pazjenti li jkunu fi kwarantina f’darhom. Tista’ ċċempel fuq 21 222 444 jew 21 231 231.
  • 13-il persuna ngħataw multa ta’ €100 kull wieħed waqt rondi mill-Pulizija għax kienu fi gruppi ta’ aktar minn tlieta f’postijiet pubbliċi
  • Ħadd ma nstab jikser il-kwarantina obbligatorja fis-696 spezzjoni fl-aħħar 24 siegħa.