38 każ ġdid ta’ coronavirus; 52 ifiqu

Miguela Xuereb

Matul il-jum tal-bieraħ instabu total ta’ 38 każ ġdid tal-coronavirus fil-pajjiż wara 2,048 swab test.

Dan ħareġ fl-infografika tal-jum tal-Ministeru għas-Saħħa. Ta’ kuljum, fin-12.30pm, din l-infografika tagħti rendikont tal-każi li jkunu nstabu u dawk li jkunu fiqu matul il-jum ta’ qabel.

Issa fil-pajjiż hawn total ta’ 666 każi attivi ta’ coronavirus. Kien irrappurtat li fiqu 52 persuna.

Kien spjegat li l-każi ġodda għadhom qed jiġu investigati mill-awtoritajiet tas-saħħa. Mill-każi tal-bieraħ, kien hemm disgħa li huma qraba ta’ persuni li diġà ħarġu pożittivi għall-virus, ħamsa li ġew f’kuntatt dirett ma’ każi pożittivi, tmien każi kienu kollegi ta’ persuni pożittivi, żewġ każi kienu impurtati, u sitt każi huma kuntatti minn avvenimenti soċjali.

Minn meta feġġ l-ewwel każ pożittiv fil-pajjiż s’issa, f’Malta nstabu total ta’ 1,705 każi pożittivi tal-coronavirus. B’kollox fiqu 1,029 persuna u mietu 10.