38 inġinier jingħataw il-warrant

Grupp ta’ 38 inġinier ġew ippreżentati bil-warrant mill-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg waqt laqgħa li saret ilbieraħ fil-bini tal-Ministeru stess.
Qabel l-għotja tal-warrant, il-Ministru sostna li d-domanda għall-professjonisti fil-qasam tal-inġinerija dejjem qiegħda tikber. Minkejja dan saħaq li tul is-snin l-għadd ta’ studenti li jagħżlu l-kors tal-inġinerija qiegħed dejjem jonqos.
Il-Ministru kompla jgħid li l-industrija hemm bżonn li tinvolvi ruħha b’mod iktar attiv fit-taħriġ edukattiv tal-inġiniera. Fi kliemu, dan sabiex ladarba l-istudenti jaslu fl-aħħar tal-istudju tagħhom ikunu mħejjija b’mod iktar effetiv għad-dinja tax-xogħol.
Fakkar ukoll dwar l-importanza li kull inġinier isegwi l-kodiċi tal-etika li tiġi id f’id mal-professjoni ġdida tagħhom.
Ritratt: DOI – Omar Camilleri