38 immigrant jiddaħħlu Malta mill-AFM

Monique Agius

Read in English.

Ilbieraħ ġew salvati 38 immigrant mill-Forzi Armati ta’ Malta wara li d-dgħajsa tagħhom waqfet huma u jippruvaw jaqsmu lejn l-Ewropa.

Dan kien ikkonfermat ma’ Newsbook.com.mt minn kelliema għall-Ministeru għall-Intern li spjegat li l-immigranti ddaħħlu kollha Malta. Qalet li mill-ewwel indikazzjonijiet, dawn l-immigranti jidher li huma kollha ta’ nazzjonalità Marokkina.

“Il-Marokk huwa kkunsidrat bħala pajjiż sikur u n-numru ta’ persuni mill-Marokk li jirnexxielhom jiksbu l-ażil fl-Ewropa huwa baxx ħafna,” spjegat il-kelliema. Qalet li l-awtoritajiet se jkunu qed jipproċessaw it-talba tagħhom għall-ażil malajr kemm jista’ jkun biex jekk jinstab li ma ħaqqhomx protezzjoni, jibda minnufih il-proċess sabiex ikunu ritornati pajjiżhom.

X’ġara lbieraħ?

L-NGO Alarm Phone ilbieraħ irrappurtat li kien hemm 38 immigrant abbord dgħajsa li kienet qed tesperjenza xi ħsarat. L-għaqda qalet li l-immigranti kienu jinsabu fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ ta’ Malta u li kien hemm il-bastiment Ambra li kien qed jimmonitorja lil din id-dgħajsa.

Aktar tard, Alarm Phone qalet li kienet infurmata mill-kumpanija tat-tbaħħir tal-Ambra li l-Forzi Armati ta’ Malta kienu waslu fuq il-post u fallew milli jirranġaw il-magna tad-dgħajsa. Hawn kien spjegat li d-dgħajsa kienet se tiġi rmunkata mill-bastiment tal-AFM.

Skont l-istess għaqda, l-immigranti ma kinux trasferiti fuq il-bastiment tal-AFM, iżda ddaħħlu lejn Malta billi tħallew fuq id-dgħajsa li kienet qed tiġi rmunkata.