372 qabar ġdid fiċ-Ċimiterju Santa Marija f’Għawdex

Ġie inawgurat uffiċjalment il-proġett ta’ 372 qabar ġdid fil-parti estiża maċ-Ċimiterju Santa Marija fix-Xewkija.
Il-Ministeru għal Għawdex irranġa wkoll l-oqbra tal-Gvern fl-istess ċimiterju li fil-passat kienu jintużaw għad-dfin tat-trabi u li ma kienx għadu jsir użu minnhom.
B’hekk bħalissa, f’dan iċ-ċimiterju hemm 1,152 qabar, li 10% minnhom huma oqbra tal-komun tal-Gvern biex isir użu minnhom għal dawk li m’għandhomx qabar privat tagħhom.
Fi stqarrija l-Ministeru qal li x-xogħol fuq din l-estensjoni beda f’Diċembru 2013 bi skavar ta’ blat u tħammil.
Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo qal li x-xogħlijiet kienu jinkludu tiswija tal-passaġġi u pavimentar f’kull parti taċ-ċimiterju, restawr u manutenzjoni fuq il-faċċata tal-kappella taċ-ċimiterju, tibjid mill-ġdid u restawr fuq il-bibien u aperturi, u manutenzjoni u restawr tal-ħitan li jdawru ċ-ċimiterju. 
L-inawgurazzjoni kienet tinkludi quddiesa mill-Mons. Isqof Mario Grech li bierek ukoll l-oqbra ġodda.
Ritratt: MGOZ – George Scerri