“Nemmnu fil-kwalità tal-lezzjonijiet, mhux bħal Carabez” – UPE

L-Union għall-Għalliema Professjonali (UPE – Voice of the workers) qalet li temmen fil-kwalità tal-lezzjonijiet u tal-għalliema. Skonthom, dan kontra dak li jemmen fih il-Kummissarju tal-Edukazzjoni Charles Caruana Carabez. Dan minħabba li skonthom, għalih biżżejjed li fil-lezzjoni jkun hemm adult fil-klassi, u li għalliema barranin ahjar milli tfal bla lezzjonijiet.

Aqra: Il-Kummissarju għall-Edukazzjoni se jidħol fil-kwistjoni tal-għalliema

Carabez dil-ġimgħa kien qal li se jaħdem biex jindirizza l-kwistjoni tan-nuqqas ta’ għalliema li skontu tinsab f’xifer ta’ kriżi.                                                                                                             

Il-UPE wieġbet billi qalet li Carabez tqabbad mid-dipartiment tal-edukazzjoni biex jiġġustifika l-użu t’għalliema barranin fl-iskejjel tal-istat. Dan billi jikkonvinċi lin-nies li l-barranin huma s-soluzzjoni tal-problema.

Fakkret ukoll li l-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo sa ftit ilu kien qal lill-midja li m’hemmx problema ta’ nuqqas t’għalliema. Ikkonkludiet billi qalet li se tissokta d-difiża tagħha għal edukazzjoni ta’ kwalità u li se tkompli tiddefendi l-professjonijiet kollha tal-edukaturi.