37 sena mill-mewt tal-attriċi u Prinċipessa Grace Kelly  

Li kieku għadha ħajja f’Novembru ta’ din is-sena Grace Kelly kienet tiċċelebra 90 sena. Barra minn hekk, illum l-14 ta’ Settembru, jaħbat is-37 anniversarju mill-mewt tagħha meta mietet fl-età ta’ 52 sena fl-1982.

L-istorja ta’ Grace Kelly kienet waħda tal-ħrejjef. Kienet attriċi ta’ success, rebbieħa tal-unur tal-Golden Globe u anki kienet nominata għal Oscar. Fost il-ħafna films ta’ success li ħadmet fihom, insibu The Country Girl (1954), High Noon (1952), High Society (1956), kif ukoll fi tlett films ta’ Hitchcock: Dial M For Murder (1954), Rear Window (1954) u To Catch A Thief (1955).

Kelly rtirat mix-xena ta’ Hollywood fl-età ta’ 26 sena biex tiżżewweġ lill-Prinċep Ranier ta’ Monaco li kienet iltaqgħet miegħu meta marret għall-Festival tal-Films f’Cannes biex tippromwovi l-film To Catch a Thief. Huma baqgħu jikkorrispondu ma’ xulxin għal sena sħiħa sakemm iżżewġu. Huma kellhom tlett ulied:  il-Prinċipessa Caroline, il-Prinċep Albert u l-Prinċipessa Stéphanie.

Il-Prinċipessa Grace kienet involuta f’inċident bil-karozza fit-13 ta’ Settembru 1982  u mietet l-għada fl-isptar ta’ Monaco.

Minkejja s-snin twal li kienet ilha nieqsa mix-xena tal-films, kif ukoll li kienu  għaddew bosta snin mill-mewt tagħha, Grace Kelly hija mniżżla bħala t-13 l-Aqwa Attriċi fl-American Film Institute’s 25 Greatest Female Stars of Classical Hollywood Cinema.