Qorti Għawdex: 4 sigħat fil-ġimgħa għal medjazzjoni tal-familja

Il-Ministru Owen Bonnici qal li fil-Qorti t’Għawdex hemm impjegata medjatur waħda u taħdem erba’ sigħat fil-ġimgħa. Dan qalu filwaqt li ppubblika statistika fil-Parlament li turi li kien hemm total ta’ 37 każ bejn Jannar u l-21 ta’ Ġunju ta’ din is-sena li mill-Qorti tal-Familja f’Għawdex ġew mibgħuta għall-medjazzjoni.

Bonnici kien qed iwieġeb għal mistoqsija parlamentari tad-Deputat Chris Said. Skont dokument maħruġ mill-Ministeru għall-Ġustizzja fl-2014 hemm spjegat li meta koppja tidħol f’argument minħabba raġunijiet tal-familja tista’ titlob l-għajnuna ta’ medjatur sabiex jintlaħaq ftehim, mingħajr il-bżonn li jirrikorru għal kawża fil-Qorti tal-Familja. Il-medjatur huwa wkoll l-ewwel pass qabel ma wieħed jgħaddi quddiem il-Qorti jekk jibqa’ ma jintlaħaqx ftehim.

L-aktar sena li rat każijiet f’Għawdex mill-2011 ‘lil hawn kienet is-sena 2016 fejn kien hemm total ta’ 119-il każ. Intant, it-tieni sena bl-aktar każijiet kienet l-2017 b’total ta’ 106 każi. Is-sena l-oħra kien hemm total ta’ 96 każ.