Ir-residenti b’petizzjoni kontra l-estensjoni tal-proġett tal-Università Amerikana

Read in English.

Fuq il-midja soċjali qed iddur petizzjoni kontra l-estenzjoni tal-Kampus tal-Università Amerikana f’Dock numru 1 u binjiet oħra fil-madwar.

Din il-petizzjoni bdiet minn grupp ta’ azzjoni ċivili bl-isem ta’ “Azzjoni: Tuna Artna Lura/ Action: Give us Back our Land” u qed jitolbu lil dawk interessati jiffirmaw din il-petizzjoni. Huma spjegaw li matul il-jiem li ġejjin se jkun hemm diversi azzjonijiet oħrajn qabel il-laqgħa tal-Awtorità tal-Ippjanar fis-26 ta’ Settembru.

Il-grupp spjega li ħadd mill-Kunsilli Lokali ta’ Bormla u l-Isla m’oġġezzjona formalment għal dan l-iżvilupp. Iż-żewġ kunsilli lokali bagħtu ittra formali lill-Awtorità tal-Ippjanar biex joġġezzjonaw għat-telf ta’ parkeġġ minħabba dan l-iżvilupp.

Il-Kunsillier Senglean Malcolm Gatt bħala individwu daħħal oġġezzjoni kontra dan l-iżvilupp. Aktar kmieni l-Membru Parlamentari Glenn Bedingfield tkellem fil-midja dwar dan il-proġett.

Il-Grupp “Azzjoni: Tuna Artna Lura/ Action: Give us Back our Land” qal li kien hemm diversi entitajiet differenti li oġġezzjonaw għal dan il-proġett fosthom il-Forum Komunità Bormliża, l-Għaqda Dilettanti Sajjieda u Barklori Isla, l-Għaqda Flimkien għal Ambjent Aħjar, Din l-Art Ħelwa, Futur Ambjent Wieħed u diversi individwi.

Ara: ‘Ċaqalqu l-bini tad-dormitorju tal-Università Amerikana’ – FAA

Ara: Se jżid il-problema ta’ parkeġġ – il-Kunsill dwar il-proġett propost mill-AUM

Ara: Id-dormitorju m’għandux isir għad-detriment tar-residenti Sengleani – Kunsillier tal-PN

Il-grupp argumenta li permezz ta’ dan l-iżvilupp se jittieħdu spazji miftuħa li jitgawdew mill-komunità tal-Kottonera. Kull min jixtieq jiffirma l-petizzjoni jista’ jagħfas hawn. Wieħed jista’ jsegwi l-paġna ta’ Facebook tal-grupp biex jibqa’ aġġornat.