Ritratti: 36 siegħa xogħol biex jintefa n-nar f’Ħal Far

Kien hemm 36 siegħa xogħol biex jintefgħu n-nirien li nhar il-Ġimgħa filgħodu ħakmu mħażen tar-riċiklaġġ f’Ħal Far.
Kelliem mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili spjega ma’ Newsbook.com.mt li n-nar beda nhar il-Ġimgħa għall-ħabta tal-5.30am u spiċċa nhar is-Sibt għall-ħabta tal-4.00pm.
Saħaq li kien hemm total ta’ madwar 40 persuna jassistu, u 12-il karozza tat-tifi tan-nar.
Jassistu kien hemm il-Forzi Armati ta’ Malta, il-Pulizija, staff mediku mill-Isptar Mater Dei, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, St John Rescue Corps, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet u tal-Ambjent, il-Malta Parks, kif ukoll fabbrika fil-viċin li pprovdiet l-ilma mill-ġwiebel tagħha.
Il-kelliem sostna li din kienet sitwazzjoni delikata għax, minkejja li n-nar beda meta tqabbdu l-bring-in sites, dan qabbad l-imħażen tar-riċiklaġġ kollu u anke waqa’ s-saqaf, u d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ried jassigura li n-nar ma jkomplix jinfirex.
Ritratti: Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili