36 MPE jitolbu lill-awtoritajiet Griegi jipproteġu lil Efimova

36 Membru Parlamentari Ewropew iffirmaw ittra fejn qed jitolbu lill-awtoritajiet Griegi biex jassiguraw li il-protezzjoni lil Maria Efimova, l-eksimpjegata tal-bank Pilatus u whistleblower Russa fil-każ tal-kumpanija Egrant fil-Panama.
Il-Membri Parlamentari Ewropej huma ġejjin mis-sitt partiti politiċi fil-Parlament Ewropew u jinkludu fost l-oħrajn lit-tliet Ewroparlamentari Nazzjonalisti David Casa, Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech, lis-Soċjalista Ana Gomes, Sophie in't Veld mil-Liberali u Frank Engel mill-Partit Popolari Ewropew.
Jgħidu li fl-isfond tal-allegazzjonijiet frivoli miġjuba kontra Maria Efimova, talbu biex l-awtoritajiet Griegi ma jiddeportawx lil Efimova lura lejn Malta, biex joffru ażil lil Efimova u lil familja tagħha u jipprovdu protezzjoni biex jassigguraw is-sigurtà tagħha.
Fl-ittra, il-Membri Parlamentari Ewropej jirreferu għal Maria Efimova bħala l-eks impjegata tal-Bank Pilatus u xhud importanti fil-każijiet ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus.
Jgħidu li l-Bank Pilatus, indipendentement minn xhieda ta' Efimova, ġie espost bħala għodda ta' ħasil tal-flus għal nies b’poteri f'Malta u l-Ażerbajġan. Jirreferu wkoll għall b'mod partikolari għaċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri, li jissemma’ f’rapporti leaked mill-Aġenzija kontra l-ħasil tal-flus f’Malta, l-FIAU.
Dwar l-arrest riċenti tal-President tal-Bank Pilatus Ali Sadr Hasheminejad fl-Istati Uniti, l-Ewroparlamentari jgħidu li dan huwa evidenza oħra ulterjuri ta' rabtiet ma' attività kriminali. 
Tkellmu wkoll dwar dak li qalu lbieraħ ulied il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia​ meta qalu li l-Maltin jiġru wara Efimova filwaqt li l-Amerikani jarrestaw lil sid Pilatus.