36% jivvutaw għall-partit li żżomm miegħu l-familja – stħarriġ

Partit Nazzjonalisa, Partit Laburista, Mass Meeting

Read in English.

36% ta’ 600 persuna li pparteċipaw fi stħarriġ qalu li jivvutaw għal ċertu partit politiku għax familthom għandha lealtà lejn dan il-partit. Din l-għażla saret l-aktar fost l-anzjani t’aktar minn 66 sena.

Dan l-istħarriġ sar f’Ottubru mill-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà fi ħdan l-Università, u jikklassifika l-parteċipanti skont l-età tagħhom, minn 16-il sena ‘l fuq, is-sess tagħhom u d-distrett minn fejn huma.

L-ekonomija prijorità

Mistoqsijin lejn xiex iħarsu meta jagħżlu l-partit li se jivvutaw għalih, l-akbar fattur kien l-ekonomija (61%), segwit mill-ġid u l-qagħda finanzjarja tal-familja (60%), it-twemmin li jirrappreżenta l-partit (52%), il-mexxej tal-partit (43%) u l-aħħar fattur kien il-lealtà li l-familja jkollha lejn partit partikolari (36%).

Meta tqis ir-riżultati skont l-età tal-parteċipanti, jidher li dawk li għandhom bejn 16 u 25 sena jqisu l-ġid u l-pożizzjoni finanzjarja tal-familja bħala r-raġuni l-aktar importanti, peress li 77% minnhom għażlu din ir-raġuni. L-ekonomija titqies fattur importanti partikolarment għan-nies ta’ bejn is-36 u l-45 sena b’71% jagħżlu din ir-raġuni, u għaż-żgħażagħ (16-25 sena) warajhom (68%). Dawk akbar fl-età (46-55 sena u anke ta’ 66 sena ‘l fuq) huma l-iżjed li jivvalorizzaw fiex jemmen il-partit.

Il-mexxej tal-partit huwa fattur importanti għal dawk li għandhom bejn 36 u 45 sena (52%), u warajhom għal dawk ta’ bejn is-46 u l-55 (50%).

U dwar deċiżjonijiet politiċi moralment dubjużi ta’ benefiċċju għall-poplu?

Fost il-mistoqsijiet fl-istħarriġ, kien hemm ukoll jekk deċiżjonijiet politċi li jitqiesu dubjużi moralment imma li tibbenefika l-populazzjoni minnhom jistgħux jiġu ġustifikati.

69% qalu li dawn id-deċiżjonijiet qatt ma jistgħu jkunu ġustifikati, mentri 16% qalu li skont il-każ, u 5% qalu li huma ġustifikati. 3%, imbagħad, qalu li huma ġustifikati ħafna.

It-tqassim tat-tweġibiet skont is-sess tal-persuna juri li 71% mill-irġiel li pparteċipaw qalu li deċiżjonijiet moralment dubjużi qatt m’huma ġustifikati. 17% tan-nisa u 14% tal-irġiel li ħadu sehem qalu li mhux dejjem l-istess. Fost dawk li qalu li dawn id-deċiżjonijiet huma ġustifikati, kien hemm 6% tan-nisa u 4% tal-irġiel. 2% tan-nisa qalu li dawn id-deċiżjonijiet ġustifikati ħafna, imbagħad, u 3% tal-irġiel.

Bi tweġiba għal mistoqsija oħra, 41% tal-parteċipanti qalu li huma sodisfatti ħafna b’ħajjithom, 34% qalu li huma sodisfatti, 20% wieġbu li jħossuhom newtrali dwar dan u 2% qalu li mhumiex sodisfatti.