60 entità tal-midja b’ittra lill-Prim Ministru

Monique Agius

Diversi entitajiet tal-midja u x-xandir lokali qed jitolbu assistenza finanzjarja mill-Gvern sabiex itaffu l-piż li qed titfa’ fuqhom is-sitwazzjoni preżenti fil-pajjiż tal-coronavirus. Fost is-60 firmatarju hemm iċ-Chairman ta’ Newsbook.com.mt, Gege Gatt.

Huma qed jitolbu:

  • Assistenza diretta ta’ minn tal-inqas 50% tal-payroll tal-kumpaniji għax-xhur ta’ April u Mejju tal-2020, segwit minn assessjar li jista’ jwassal għal tiġdid awtomatiku ta’ din l-assistenza.
  • Sussidju mill-Gvern fuq l-interessi tal-banek għal kull faċilità tan-negozji li qed tintuża biex tmantni l-kontinwazzjoni tan-negozju.
  • Sussidju dirett fuq l-ispejjeż tal-kiri.
  • Aġġustament temporanju fuq ir-rati tat-taxxi tal-impjegati.
  • Is-sahra b’rabta mal-kwarantina titħallas mill-Gvern.
  • Sospensjoni temporanja ta’ sitt xhur u downward revision fuq il-VAT.
  • Konferma li l-miżura ta’ posponiment ta’ ħlasijiet fiskali u miżuri li joħorġu wara relatati ma dan ikunu jinkludu wkoll lis-settur, jew lis-settur tas-servizzi kollu.
  • Li ma jkunx hemm multi jew interessi fuq posponimenti ta’ ħlasijiet fiskali.

Il-kumpaniji spjegaw li d-dinja tal-midja hija waħda li ironikament ftit iqisuha. Sostnew li l-fraġilità tan-negozji tagħhom hija xi ħaġa li huma draw. Qalu li malli jkun hemm l-inqas theddida fuq il-kunfidenza tal-klijenti tagħhom, li ħafna drabi jkunu negozji oħrajn, ikun hemm impatt kbir fuq jekk dawn in-negozji fil-midja jkampawx fi żmien ta’ kriżi jew le.

Sostnew li huma ftit dawk li se jirrealizzaw jekk ikun hemm kumpaniji tal-midja li jfallu. Qalu li jekk jiġri dan, huma se jintesew daqs li kieku qatt ma eżistew. B’hekk iddeċidew li joffru l-ideat tagħhom għal miżuri “prattiċi” li jissalvagwardjaw entitajiet tal-midja indipendenti li jħaddmu diversi persuni li ġejjin minn oqsma differenti inkluż: brand managers, marketing consultants, pjattaformi tal-midja, fornituri tal-aħbarijiet, esperti diġitali, artisti, designers, sign-writers, vidjografi, film studios, public relations advisers fost oħrajn.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn