356 student ‘vulnerabbli’ fis-sena skolastika li jmiss

356 student, li fis-sena skolastika li jmiss se jkunu fil-ħames sena tas-sekondarja, huma meqjusa vulnerabbli fejn jidħlu l-ħiliet bażiċi –il-Malti, l-Ingliż u l-Matematika– u għalhekk intagħżlu biex isegwu l-kors Alternative Learning Programme offrut mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni.
Il-programm alternattiv ta’ tagħlim vokazzjonali hu maħsub għall-istudenti tal-ħames sena sekondarja li jkunu ser jispiċċaw l-iskola tal-obbligu mingħajr kwalifiċi ta’ xejn.
Il-Ministru Evarist Bartolo qal dan fil-Parlament fi tweġibiet għal diversi Mistoqsijiet Parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Joe Cassar.
Fis-sena skolastika li ntemmet ftit ilu, il-programm ġie offrut lill-istudenti li ma kienu se joqgħodu għal ebda eżami tas-SEC, uħud minnhom bi storja ta’ assenteiżmu u kienu ilhom ma jmorru l-iskola.