353 persuna jittieħdu Palermo wara 11-il jum fil-baħar

Read in English.

353 persuna li ġew salvati minn Sea Watch 4 se jittieħdu fil-Port ta’ Palermo, fi Sqallija, 11-il jum wara li ġew salvati fil-Mediterran. 

Dan kien ikkonfermat mill-NGO Sea-Watch permezz ta’ tweet fejn ingħad li t-353 persuna se jkunu trasferiti fuq vapur barra l-port Sqalli fi kwarantina preventiva.  

Is-sitwazzjoni ta’ dawn il-persuni eskalat matul dawn l-aħħar jiem fid-dawl ta’ dak li kien qed jitqies bħala nuqqas ta’ azzjoni minn Malta u l-Italja f’dan il-każ. L-aġenzija ta-Nazzjonijiet Magħquda għar-Refuġjati (UNHCR) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Migrazzjoni (IOM) sejħet biex soluzzjoni għal din is-sitwazzjoni tinstab b’urġenza. 

Aktar kmieni s-Sindku ta’ Marsilja offra l-Port tiegħu bħala wieħed li joffri sigurtá u kenn għal dawn il-persuni. 

Amnesty EU filwaqt li laqgħet l-aħbar b’mod pożittiv, ikkritikat il-fatt li kellhom jittieħdu jiem u ġimgħat biex tinstab soluzzjoni. Hija qalet li l-Unjoni Ewropea għandu jkollha mekkaniżmi stabbiliti f’ċirkostanzi bħal dawn. 

Il-Kummissjoni Ewropea qalet li l-immigranti salvati mill-baħar għandhom jittieħdu mill-ewwel f’port sigur u jitniżżlu l-art biex tiġi assigurata s-sigurtà tagħhom, tal-bastiment u tal-ekwipaġġ li salvawhom. Il-Kummissjoni qalet ukoll li qed tagħti riżorsi finanzjarji u operattivi lill-pajjiżi fejn jitniżżlu l-immigranti.

Hekk stqarr il-kelliem tal-Kummissjoni Ewropea fil-Press Briefing ta’ kuljum li jsir fil-bini tal-Kummissjoni Ewropea fi Brussell.

Huwa appella lill-pajjiżi fosthom l-Italja u Malta biex jikkoperaw b’mod urġenti fi spirtu ta’ solidarjetà u responsabbiltà fl-immaniġjar tal-immigranti fl-Ewropa.