350 tarbija u 100 mewta reġistrati bil-posta waqt il-pandemija

Identity Malta ħabbret li matul il-perjodu tal-pandemija irċeviet reġistrazzjoni ta’ 350 wild u 100 mewta bil-posta.

Dan ħareġ fi sqarrija mis-Segretarjat Parlamentari għaċ-Ċittadinanza. Malli feġġet l-imxija tal-coronavirus f’Malta, l-Aġenzija ta’ Identity Malta kienet skattat pjan biex il-ħaddiema tagħha jkunu protetti filwaqt li tkun issalvagwardjata s-saħħa pubblika.

Identity Malta rat ukoll it-tneħħija tal-ħlas tar-reġistrazzjoni taż-żwieġ pospost ta’ 210 koppji. 480 professjonist mediku, inklużi professjonisti tal-kura tas-saħħa, kellhom is-single permit tagħhom estiż bi tliet xhur awtomatikament u 1,400 karta tal-identità kienu estiżi awtomatikament sat-30 ta’ Ġunju.

Ritorn gradwali għal servizzi normali ta’ Identity Malta

  • Il-ftuħ mill-ġdid tal-uffiċċju f’Mater Dei – Nhar it-Tnejn 8 ta’ Ġunju, l-uffiċċju ta’ Identity Malta fl-Isptar Mater Dei reġa’ fetaħ għall-pubbliku. Fil-ġimgħat li ġejjin Identity Malta se tkun qed tagħmilha possibbli biex tali reġistrazzjonijiet ikunu jistgħu jsiru online.
  • Tneħħija tal-miżata tar-reġistrazzjoni ta’ żwieġ – Koppji li jipposponu d-data taż-żwieġ tagħhom minħabba l-pandemija mhumiex se jintalbu l-ħlas sabiex jirreġistraw id-data l-ġdida tagħhom.
  • Tiġdid tal-karti tal-identità ta’ ċittadini Maltin – L-Avviż Legali 143 tal-2020 se jibqa’ fis-seħħ u l-karti tal-identità Maltin li skadew jew waslu biex jiskadu se jibqgħu validi sat-30 ta’ Ġunju 2020. Dawk li l-karta tal-identità tagħhom skadiet jew waslet biex tiskadi jistgħu jew iġeddu d-dokument ta’ identifikazzjoni issa jew inkella wara t-30 ta’ Ġunju 2020. 
  • Espatrijati: 
    • Single Permits ġodda – Id-deċiżjoni tal-Gvern Malti li jinħarġu permessi ta’ residenza għal ħaddiema highly-skilled (Key Employee Initiative) u professjonisti tas-saħħa, inklużi live-in carers, se tibqa’ tgħodd sakemm jinħareġ avviż ieħor.
    • Pjattaforma diġitali tas-Single Permit- Applikazzjonijiet ġodda għall-ħaddiema highly-skilled (Key Employee Initiative) u professjonisti tas-saħħa, tiġdid jew bdil ta’ xogħol għandhom jiġu sottomessi online fuq hawn, ladarba min iħaddem ikun irreġistra għas-servizz tal-applikazzjoni online.
    • Professjonisti tas-saħħa – Professjonisti tas-saħħa li s-single permit tagħhom wasal biex jiskadi issa jistgħu japplikaw sabiex dan jiġi estiż b’sena fuq hawn, ladarba min iħaddem ikun irreġistra għas-servizz tal-applikazzjoni online. Professjonisti tas-saħħa li kellhom is-single permit tagħhom estiż awtomatikament bi tliet xhur għandhom japplikaw sabiex dan jiġi estiż b’sena hekk kif l-estensjoni tal-permess tiskadi. Intant, Live-in carers li qed japplikaw għall-ewwel darba għas-single permit jew biex iġeddu l-permess tagħhom għandhom jibagħtu email fuq singlepermit.ima@gov.mt biex jagħmlu appuntament u jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom.
    • Permessi interim – Applikanti li jridu jestendu l-permess interim tagħhom għandhom jibqgħu jibagħtu t-talba tagħhom lil extensions.ima@gov.mt u għandhom jitolbu konferma permezz tal-email. Applikanti tas-single permit li jeħtieġu estenzjoni tal-permess intermi għandhom jibagħtu t-talba tagħhom lil singlepermit.ima@gov.mt u għandhom jitolbu konferma permezz tal-email.
    • Membri tal-familja ta’ ċittadini terzi u Permess Temporanju ta’ Residenza – Membri tal-familja ta’ ċittadini li ġejjin minn pajjiżi terzi u applikanti għal Permess Temporanju ta’ Residenza għandhom jibagħtu t-talba tagħhom għal applikazzjoni ġdida jew ta’ tiġdid lil noneu.ima@gov.mt. Talbiet għal estensjonijiet għandhom ukoll jintbagħtu lil noneu.ima@gov.mt.
    • Ċittadini tal-UE, EEA jew Svizzeri – Ċittadini tal-UE, EEA jew Żvizzera kif ukoll il-qraba tagħhom għandhom ikomplu jibagħtu t-talba tagħhom biex jirreġistraw ir-residenza tagħhom jew sabiex iġeddu d-dokument ta’ residenza lil  eu.ima@gov.mt.
    • Ċittadini tar-Renju Unit – Il-proċess sabiex jinħarġu dokumenti ta’ residenzi ġodda liċ-ċittadini tar-Renju Unit li jgħixu f’Malta se jerġa’ jibda mill-1 ta’ Lulju 2020 u se tkun qed titħabbar skeda ġdida ta’ kif se jkunu mqassma ż-żoni. Benefiċjarji tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit mill-UE se jkunu mgħarrfa permezz ta’ ittra bil-posta li se tintbagħat fuq l-indirizz irreġistrat tagħhom. Mistoqsijiet dwar single permits għandhom jintbagħtu fuq brexit.ima@gov.mt.
    • Ftuħ mill-ġdid tal-uffiċċju tal-espatrijati f’Ħal Far – Nhar it-Tnejn 8 ta’ Ġunju, l-uffiċċju ta’ Identity Malta f’Ħal Far reġa’ fetaħ. Mistoqsijiet b’rabta mas-servizzi mogħtija fl-uffiċċju ta’ Ħal Far għandhom jintbagħtu lil intl.protection.ima@gov.mt jew permezz tat-telefon fuq +356 2590 4841/2.
    • Customer Care tat-Taqsima tal-Espatrijati – Kuntatt mal-customer care tal-espatrijati jista’ jsir permezz tat-telefon fuq +356 2590 4800 jew permezz ta’ email lil ereseidence.ima@gov.mt. Mistoqsijiet dwar single permits għandhom jintbagħtu fuq singlepermit.ima@gov.mt.
  • It-taqsima tal-Viża – It-taqsima tal-Viża se terġa’ tibda bl-operat sħiħ tagħha ladarba jitneħħew ir-restrizzjonijiet tal-ivjaġġar fl-1 ta’ Lulju 2020. L-uffiċċju reġa’ beda jiftaħ fil-ħinijiet normali, mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn it-8:00 u s-14:00. Il-pubbliku huwa mitlub sabiex jagħmel appuntament qabel fuq visa.ima@gov.mt. Kuntatt mas-sezzjoni tal-viża jista’ jsir permezz tat-telefon fuq in-numru +356 2590 4550  jew permezz ta’ imejl fuq  visa.ima@gov.mt.
  • Reġgħu bdew l-interviews ta’ partners barranin b’rabta maċ-ċittadinanza Maltija – Interviews b’rabta ma’ applikazzjonijiet għal ċittadinanza Maltija bbażata fuq żwieġ minn persuni barranin reġgħu bdew isiru.
  • Servizzi oħra- L-Uffiċċju tal-Passaporti, l-Uffiċċju tar-Reġistru Pubbliku u t-Taqsima tal-Karta tal-Identità qed jaħdmu b’mod normali.