​350 sofrew ksur waqt ix-xogħol fl-2017

Skont stħarriġ mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) madwar 350 persuna sofrew ksur waqt li kienu qed jaħdmu fit-tieni nofs tal-2017.
L-istħarriġ tal-NSO sab ukoll li ħadd ma miet fuq il-post tax-xogħol fit-tieni nofs tal-2017. Fl-istess perjodu tas-sena ta’ qabel kien hemm tlieta minn nies li mietu fuq il-post tax-xogħol.
In-numru ta’ inċidenti rrappurtati fuq il-post tax-xogħol naqsu fit-tieni nofs tal-2017 meta mqabbel mal-istess perjodu tal-2016. Skont l-NSO, madwar 1,600 persuna ġew involuti f’inċidenti fuq il-post tax-xogħol fl-aħħar sitt xhur tal-2017.
Il-maġġoranza ta’ dawn l-inċidenti saru fis-settur tal-manifattura. Madwar 250 inċident saru fil-qasam tal-kostruzzjoni filwaqt li madwar 200 ruħ li kienu jaħdmu fis-settur tat-trasport u ħżin weġġgħu fuq il-post tax-xogħol.
L-NSO sab li meta wieħed iqabbel mal-2016, wieħed isib li n-numru ta’ inċidenti fuq il-post tax-xogħol naqsu fl-oqsma kollha ħlief għal dawk li kienu jaħdmu bħala tekniċi, bħala professjonisti assoċjati, jew b’karigi elementari.