35 student tilfu l-eżami għax kienu kwarantina

Owen Bonnici MATSEC
DOI: Jeremy Wonnacott

Fis-sessjoni tal-eżamijiet tal-Matrikola u tas-SEC kien hemm 35 student li tilfu xi sessjoni jew aktar minn waħda għaliex kienu kwarantina.

Dan tħabbar fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru tal-Edukazzjoni. Il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici, flimkien mad-Direttur tal-MATSEC Dario Pirotta u d-Deputat Direttur tad-Dipartiment tal-Eżamijiet Michael Deguara, ilbieraħ filgħaxija żaru ċentru li fih kienet għadha kemm intemmet is-sessjoni tal-eżamijiet tal-Matrikola u s-SEC li din is-sena saru bejn id-29 ta’ Awwissu u s-7 ta’ Ottubru.

Bejn l-eżamijiet tas-SEC u l-Matrikola saru b’kollox 150 sessjoni f’14-il-ċentru differenti. B’kollox ipparteċipaw 7,668 student. Mill-informazzjoni li rċevew l-awtoritajiet edukattivi mingħand l-istudenti stess, 35 student tilfu xi sessjoni jew iktar għaliex kienu kwarantina u dawn xorta waħda se jkomplu bl-istudji tagħhom skont dak li kien tħabbar mill-Gvern minħabba l-imxija tal-coronavirus. Ma kienx hemm każijiet ta’ studenti li kellhom jinħarġu miċ-ċentru tal-eżami għax ħassewhom ma jifilħux.

Petizzjoni fost l-istudenti fis-sajf
Petizzjoni biex l-eżamijiet tal-MATSEC isiru online

Saru disa’ sessjonijiet ta’ eżamijiet fid-djar ta’ tliet istudenti li se jsegwu korsijiet li jirrikjedu kwalifiki speċjali biex tidħol fihom peress li nqabdu kwarantina.

Il-Ministru Bonnici spjega li dawn l-eżamijiet intemmu b’suċċess u kollox mexa bl-aħjar mod waqt li ġiet salvagwardjata s-saħħa kemm tal-istudenti u kemm tal-eżaminaturi. Huwa rringrazzja lid-Dipartiment tal-Eżamijiet u l-Board tal-MATSEC u l-ħaddiema kollha involuti tal-ħidma kbira li wettqu sabiex dawn l-eżamijiet setgħu jsiru b’suċċess għall-ġid tal-istudenti.