35 student Għawdxi qed jieħdu l-benefiċċju tal-kera – Camilleri

Read in English.

Il-Ministu għal Għawdex Clint Camilleri qal fil-Parlament li bħalissa hemm 35 student Għawdxi li qed jieħdu l-benefiċċju tal-kera magħruf bħala students rental accommodation subsidy scheme.

Dan qalu hu u jwieġeb mistoqsija Parlamentari tal-MP Ivan Bartolo. Hu staqsa kemm-il student Għawdxi qed jikri appartament f’Malta minn mindu daħlet fis-seħħ il-liġi l-ġdida tal-kirjiet.

Il-Ministru Camilleri spjega li dawn l-istudenti jieħdu sa massimu ta’ €900 fis-sena. Qal li apparti minn hekk, hemm ukoll 919-il student li jiedu €1,500 fis-sena minn sekma oħra magħrufa bħala Gozitan Students studying in Malta Scheme. Din l-iskema hija maħruġa mill-Ministeru għal Għawdex.

Intant, f’Settembru tal-2018, Mons. Grech kien ħabbar li se jinfetħu żewġ hostels għaż-żgħażagħ Għawdxin li qed jistudjaw f’Malta. L-Isqof qal li l-Patrijiet Agostinjani u s-Sorijiet tas-Saint Joseph poġġew għad-dispożizzjoni tad-djoċesi żewġ djar f’Malta biex jintużaw bħala akkomodazzjoni. Waħda fi Gwardamanġa, għall-ġuvintur, u l-oħra għax-xebbiet fil-Gżira.