35 persuna mmultati għax kienu fi grupp t’iktar minn 3

35 persuna ġew immultati għax inqabdu barra fi grupp t’aktar minn tlieta waqt l-ispezzjonijiet li saru mill-pulizija fl-aħħar 24 siegħa. Madankollu, ħadd ma nqabad jikser il-kwarantina.

Fl-aġġornament tal-lejla, il-Gvern ħabbar li 35 persuna ngħataw multa ta’ €100 kull wieħed waqt ir-rondi kontinwi tal-pulizija. Intant, għar-raba’ jum infila, ħadd ma nstab jikser il-kwarantina obbligatorja fil-502 spezzjonijiet li saru fl-aħħar 24 siegħa.

Stabbiliment f’Bormla nqabad iservi xorb lil diversi klijenti waqt waħda mill-ispezzjonijiet li qed isiru minn uffiċjali tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu. Sid il-ħanut ġie mmultat €3,000 talli kiser ir-regolamenti li jżomm il-bibien tiegħu magħluqin. B’kollox fl-aħħar 24 siegħa saru 370 spezzjoni biex b’hekk it-total ta’ spezzjonijiet s’issa qabeż is-16,000. Wieħed jista’ jirrapporta abbużi fuq in-numru 21692447.

Illum tħabbru 14-il każ ġdid tal-coronavirus f’Malta, biex it-total issa huwa ta’ 241. Il-każijiet ġodda nstabu wara 555 swab test. Minn dawn, fiequ ħames pazjenti, fosthom tifla ta’ 12-il sena li kienet l-ewwel każ ta’ Covid-19 f’Malta. Huma xorta jinsabu kwarantina għal ftit jiem ta’ osservazzjoni.

Biex tikkomunika kemm jista’ jkun mad-diversi komunitajiet f’Malta, il-Pulizija bdiet tuża posters ta’ tagħrif dwar miżuri li jgħinu biex tkun ikkontrollata l-imxija tal-Covid-19. Il-posters, li qed jitwaħħlu fost diversi komunitajiet, huma bil-Malti, l-Ingliż, it-Taljan, il-Franċiż, is-Serb u l-Għarbi. Il-messaġġ jirrifletti d-direttivi ta’ prevenzjoni mill-awtoritajiet tas-saħħa. Jitlob lil dak li jkun biex iżomm id-distanza, jibqa’ d-dar, ma jiħux b’id jew jgħannaq lil ħaddieħor u ma jkunx hemm ġemgħat fi gruppi.

Pazjent bil-coronavirus kien maħrub, iżda nstab fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far, fejn kien qed jingħata l-kura fil-klinika tas-Salib l-Aħmar. Huwa nqabad hemmhekk qabel ma tħabbar li l-post se jkun kollu kwarantina minħabba t-tmien residenti li ġew infettati bil-virus.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn