35 persuna jeħlu €150 multa minħabba skart f’Lulju

Fl-ewwel nofs ta’ Lulju 35 persuna weħlu multa ta’ €150 wara li nqabdu joħorġu l-iskart fid-dati u l-ħinijiet żbaljati.

L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) qalet li mill-bidu tas-sena, l-iktar xahar li fih kienu nqabdu nies joħorġu l-iskart fi ġranet u ħinijiet mhux kif indikati mill-Kunsill Lokali, kien Frar bi 32 persuna. Madankollu din iċ-ċifra diġà nqabżet fl-ewwel ħmistax ta’ dan ix-xahar.

Matul Lulju l-ikbar ammont ta’ kontravenzjonijiet marbuta mal-ħruġ tal-iskart kien f’Marsalforn fejn 13-il persuna ġew immultati. Dan meta fl-ewwel sitt xhur tas-sena, f’Għawdex kollu kienu nqabdu biss ħames persuni. Fl-ewwel nofs ta’ Lulju kien hemm ukoll disa’ każi f’Buġibba u l-Qawra, tmien każi oħra fix-Xlendi, erbgħa f’Ħal Luqa u każ wieħed f’Marsaskala. 

14-il uffiċjal mid-Direttorat tal-Infurzar tal-ERA qed jagħmlu ronda mill-inqas darbtejn fil-ġimgħa madwar Malta u Għawdex biex jaraw li qed ikunu osservati r-regolamenti. 

L-Awtorità kkonkludiet l-istqarrija tagħha billi inkoraġġixxiet lill-pubbliku biex jirrispetta d-dati u l-ħiniijiet relatati mal-ġbir tal-iskart u qalet li huwa obbligu ta’ kull ċittadin li jirrispetta r-regoli stipulati mil-liġi f’dan ir-rigward.