35 każ ġdid ta’ coronavirus; 25 ifiequ

Aġġornat 06:51 PM
swabbing center

Read in English.

Komplew jiżdiedu l-persuni pożittivi għall-coronavirus fil-pajjiż hekk kif fl-aħħar 24 siegħa nstabu total ta’ 35 każ ġdid ta’ coronavirus. Intant, 25 persuna oħra fiequ.

Permezz ta’ infografika ppubblikata fuq il-paġna tal-Ministeru għas-Saħħa kien spjegat li t-total tal-każi attivi fil-pajjiż bħalissa huwa ta’ 601.

Filwaqt li l-każi misjuba fl-aħħar 24 siegħa għadhom qed jiġu investigati, mill-106 każ mħabbra lbieraħ hemm 51 każ ta’ coronavirus li ħarġu mid-dar tal-anzjani tas-St Joseph’s Home fil-Fgura, 20 każ huma ta’ membri tal-familja ta’ persuni li diġà kienu ħarġu pożittivi, żewġ każi ta’ kuntatti diretti ta’ persuni pożittivi, tliet persuni li ħarġu pożittivi fid-dar tal-anzjani Casa Antonia u żewġ każi impurtati.

B’kollox, minn meta feġġet il-pandemija fil-pajjiż, saru total ta’ 223,698 swab test. Minn dawn ħarġu 2,595 każi pożittivi, 1,978 persuni fiequ u 16 mietu.

Jekk in-numri tal-bieraħ kienu anomalija, issa nistennew tnaqqis rapidu – Prof. Lauri

“35 każ illum huwa ta’ faraġ għax jindikaw li forsi ma ninsabux fir-rotta esponenzjali li qed ibassru diversi mudelli għall-istadji inizjali tal-epidemija. Madanakollu, wara x-xokk tal-bieraħ, l-epicurve li tħares lejn it-totali ta’ jumejn turi li ninsabu lura fejn konna lejn nofs Awwissu. Jekk in-numru rreġistrat ilbieraħ huwa anomalija, mela għandna nistennew tnaqqis rapidu. Imma ż-żmien u l-opportunitajiet mitlufa wasluna viċin ħafna għal mumenti ta’ deċiżjonijiet diffiċli mill-awtoritajiet tas-saħħa hekk kif in-numri ta’ kuljum għadhom għoljin. Huwa inutli li nippuntaw is-swaba. Aħna pajjiż żgħir, u sa ċertu punt, kollha kemm aħna għandna tort. Irridu, aktar minn qatt qabel, inkunu aktar stretti meta nosservaw il-miżuri ta’ mitigazzjoni, irridu nkunu flessibbli biżżejjed biex nadottaw modi differenti biex neżegwixxu l-irwol tagħna fis-soċjetà b’differenza minn dak li forsi konnha nagħmlu qabel, u xi setturi tas-soċjetà għandhom jgħinu lil oħrajn li ntlaqtu l-aktar mill-pandemija.”