Trattament minflok priġunerija għal 340 li nqabdu bid-droga għall-ewwel darba

344 persuna li nqabdu għall-ewwel darba bi kwantità żgħira ta' droga, li kienet għall-użu personali, intbagħtu għal trattament minflok ma ngħataw sentenza ta' priġunerija.
Fi tweġibiet Parlamentari għall-mistoqsijiet tad-Deputat Laburista Anthony Agius Decelis, il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici qal li dawn il-każi ntlaqgħu mill-Kummissarju tal-Ġustizzja, wara li f'April 2015 għadda mill-Parlament l-Att dwar Dipendenza fuq id-Droga (Trattament mhux Priġunerija).
Bonniċi qal li 75% tat-344 first time offenders li nqabdu bejn Settembru 2015 u Marzu ta' din is-sena, kienu Maltin.
Qal ukoll li fl-2015 kien hemm 60 talba fejn individwu ma weriex impenn li jaħdem għar-riabilitazzjoni tiegħu. Minn dawn 12-il każ ġew riferuti lill-Bord biex jevalwa jekk għandux jirrakkomanda lill-Qorti biex tirrevoka d-deċiżjoni tagħha u tipproċedi b'kawża kriminali.
Din is-sena kien hemm 20 talba u tlieta minnhom ġew riferuti għall-Bord.
S’issa kien hemm 5 każi, fejn il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, biddlet il-proċess ta' riabilitazzjoni għal kawża fil-Qorti.