3,400 emigrant tilfu ħajjithom matul din is-sena

Emigranti miżmuma fuq il-fruntiiera bejn il-Messiku u l-Istati Uniti

Meta d-dinja  l-bieraħ iċċelebrat il-Jum Dinji tal-Emigranti dikjarat min-Nazzjonijiet Uniti, sar magħruf li din is-sena sal-lum, aktar minn 3,400 emigrant jew refuġjat tilfu ħajjithom.

Il-Papa Franġisku ħeġġeġ lill-komunitajiet  li qed jilqgħu l-emigranti biex jiftħu qalbhom u djarhom għal dawk li qed jaslu f’pajjiżhom. “Ġesù jaf sew il-weġgħa ta’ meta ma tkunx milqugħ. Jalla qlubna ma jkunux magħluqa kif kienu d-djar ta’ Betlem”, kiteb il-Papa fi tweet.

It-tema magħżula għal din is-sena min-Nazzjonijiet Uniti hi “Emigrazzjoni b’Dinjità”. Ta’ min ifakkar li t-tema tal-emigrazzjoni hi fil-qalba tal-ħidma pastorali tal-Knisja Kattolika li għal dawn l-aħħar 104 snin iċċelebrat Jum l-Emigranti f’data differenti minn dik tan-Nazzjonijiet Uniti.

Is-Segretarju Ġenerali tan-NU Antonio Guterres f’messaġġ li ħareġ il-bieraħ stieden lill-komunità internazzjonali biex taqbad it-triq indikata mill-Global Compact li kien maqbul ftit jiem ilu f’konfeenza li saret fil-Marokk li għandu jwassal biex l-emigrazzjoni tkun ta’ benefiċċju għal kulħadd.

Guterres qal li l-emigrazzjoni tgħin ħafna l-iżvilupp ekonomiku u tara miljuni ta’ persuni jfittxu opportunitajiet ġodda u minn dan jibbenefikaw kemm il-komuntajiet mnejn jitilqu dawn in-nies kif ukoll il-komunitajiet fejn jaslu. Iżda meta ma tkunx regolata sew, l-emigrazzjoni tista’ tkabbar il-firda bejn is-soċjetajiet u tesponi nies għall-esplojtazzjoni u l-abbuż u tnaqqas il-fiduċja fil-gvernijiet.

Hu qal li l-Patt Globali għall-Emigrazzjoni Sigura u Regolata intlaħaq f’konferenza f’Marrakech ftit jiem ilu u għandu appoġġ qawwi minn stati membri tan-Nazzjonijiet Uniti. Dan il-pass importanti “għandu jgħinna nindirizzaw l-isfidi veri tal-emigrazzjoni filwaqt li nieħdu l-benefiċċji kollha tagħha.”

Dan il-Patt hu bażat fuq id-drittijiet umani u juri t-triq għal aktar opportunitajiet regolari u legali għall-imigrazzjoni u azzjoni b’saħħitha biex ikun miġġieled t-traffikar uman.

Caritas Europa li hi parti minn Caritas Internationalis – il-Federazzjoni ta’ Għaqdiet tal-Karita fi ħdan il-Knisja Kattolika, f’messaġġ tal-okkażżjoni  appellat biex l-emigrazzjoni tkun ta’ ġid għal kulħadd u sostniet li l-Patt Globali, li għandu appoġġ qawwi hu pass ‘l quddiem biex tkun indirizzata b’mod uman,  waħda mill-akbar problemi globali tal-lum. Dan il-Ftehim hu strument importanti li jipprova li n-nazzjonaliżmu, il-populiżmu u x-xenofobia mhux se jirbħu fuq il-kooperazzjoni u d-djalogu.