340 persuna jfittxu għajnuna ta’ saħħa mentali fix-xahar

Bejn Jannar 2019 u April 2020, 5,528 persuna rrikorrew għas-servizzi ta’ saħħa mentali f’diversi servizzi offruti fil-Gżejjer Maltin.  

F’dawn is-16-il xahar 2,482 ġew ammessi fl-isptar Monte Karmeli, fl-ogħla ammont kien f’Lulju 2019 b’total ta’ 199 persuna. Fl-ewwel xahrejn tal-imxija tal-coronavirus 202 persuni ngħataw l-għajnuna minn dan l-isptar.  

471 persuna rrikorrew għas-servizz ta’ Child and Young People’s Services (CYPS) ġewwa l-isptar San Luqa bl-akbar ammont ta’ persuni li talbu l-għajnuna kien 46 persuna f’Jannar 2019.  

498 persuna ġew irreferuti għas-servizz tal-psikologu fl-isptar Monte Karmeli filwaqt li 2,077 għamlu kuntatt għall-ewwel darba mas-Psychatric Outpatient Department fl-Isptar Mater Dei u fil-kliniċi taċ-Ċentri tas-Saħħa. L-akbar ammont ta’ persuni li rrikorrew għas-servizz tal-Outpatient kien f’Mejju u Ottubru 2019.  

Matul il-pandemija tal-COVID-19, ġie mniedi l-helpline 1770 għal dawk il-persuni li esperjenzaw diffikultajiet ta’ saħħa mentali. Matul l-ewwel xahrejn tal-pandemija 338 persuna rrikorrew għal dan is-servizz.   

Din l-informazzjoni ġiet preżentata mill-Ministru Chris Fearne għall-mistoqsijijiet parlamentari tad-Deputata Nazzjonalista Claudette Buttiegieg.