“34 sena ilu parti minn ħajti mietet miegħek” – Ivan

Ritratt: Facebook/IvanGrech

Il-firda qatt ma hi sabiħa u minkejja li l-Malti jgħid li ż-żmien itaffi, ċertament li l-firda minn mal-omm hi xi ħaġa li tibqa’, minkejja li jgħaddu s-snin.

Għal Ivan Grech dawn iż-żminijiet ifakkruh fil-mewt ta’ ommu hekk kif illum fakkar il-memorja tal-mamà tiegħu u spjega kif 34 sena ilu parti minn ħajtu mietet magħha.

“Illum 34 sena ilu ħajti kienet imfarrka b’mod immens, parti kbira minni mietet miegħek,” kiteb illum Ivan fl-anniversarju tal-mewt ta’ ommu.

Ritratt: Facebook/IvanGrech

Ivan, li jiġi wkoll ħu x-xandara Josette Hamilton, jiftakar fit-tbissima unika u dejjiema ta’ ommu waqt li qal li  jħoss in-nuqqas tat-tgħanniq ta’ fejqan tagħha u jgħożż il-memorji taż-żminijiet speċjali li qasmu flimkien.

Ivan kompla jikteb li se jkompli jagħmel għemejjel tajbin li jsaħħu l-preżenza tagħha fih. Saħaq li għalkemm jinsabu ‘l bogħod minn xulxin, hija tinsab dejjem qrib tiegħu.

“Jiena xxurtjat li jien ibnek,” qal wkoll waqt li temm il-kitba tiegħu bil-kliem “Inħobbok dejjem Ma”.

Ritratt: Facebook/IvanGrech

Kliem tad-deheb li jirrifletti sew il-karattru ta’ Ivan Grech li hu magħruf għall-impenn tiegħu biex mill-kapaċitajiet tiegħu ta’ kantant itella’ kunċerti li minnhom jibbenefikaw għaqdiet bħal ta’ Puttinu.