34 persuna jeħlu multa talli ma kinux lebsin maskra

Miguela Xuereb

Read in English.

34 persuna weħlu multa talli ma kinux lebsin maskra ġol-ħwienet.

Dan qalitu l-Prof. Charmaine Gauci, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, waqt li kienet qed tiġi intervistata waqt l-aħbarijiet ta’ TVM illejla.

Hija spjegat li fl-aħħar jiem, bdew isiru diversi spezzjonijiet mill-awtoritajiet tas-saħħa, mill-Pulizija u anke mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu. Minn aktar minn 250 spezzjoni li saru fil-ħwienet, inqabdu 34 persuna li ma kinux lebsin maskra u b’hekk weħlu multa ta’ €50.

Saru wkoll spezzjonijiet ġo bars, ristoranti u anke postijiet fejn isiru avvenimenti bħal parties. F’aktar minn 200 spezzjoni, inħarġu ħames ċitazzjonijiet ta’ €3,000.

Tfal ta’ inqas minn 3 snin m’għandhomx jilbsu maskra

Tfal li għandhom inqas minn tliet snin m’għandhomx jilbsu maskra għaliex din taf tagħmlilhom il-ħsara.

Prof. Gauci spjegat li hemm ċerti tfal jew adulti li għandhom diżabbiltà u b’hekk, dawn huma esklużi milli jilbsu maskra jew visor.

Hija appellat lill-pubbliku sabiex jiġu osservati l-miżuri meħudin mill-awtoritajiet sabiex titrażżan l-imxija tal-coronavirus.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn