34% aktar jagħżlu ‘l-AirMalta; deskritta bħala “qabża straordinarja”

It-total ta’ passiġġieri li l-AirMalta ġarret fi Frar li għadda kien 34.6% aktar minn dawk li ġarret fi Frar tal-2017.
Din iż-żieda l-kumpanija nazzjonali tal-ajru qisitha bħala waħda straordinarja, meta wieħed iqis li fis-settur Frar hu meqjus bħala wieħed mill-aktar dgħajfa fis-sena.
L-AirMalta qalet fi stqarrija li x-xahar li għadda ġarret 26,000 passiġġier aktar minn Frar tas-sena l-oħra.
Barra minn hekk irrimarkat li bejn Novembru tas-sena li għaddiet sa Frar ta’ din is-sena, ġie rrappurtat tkabbir ta’ 24%, li jagħmel din ix-xitwa waħda mill-aktar staġuni ta’ suċċess għall-Air Malta.
F’kummenti dwar l-aħħar riżultati Paul Sies, l-Kap Kummerċjali tal-Air Malta tkellem dwar iż-żieda fil-frekwenza tar-rotot ewlenin, u l-introduzzjoni ta’ oħrajn minn qabel, bħal dik lejn Frankfurt.
“Dawn iż-żidiet fit-traffiku mhumiex biss aħbar tajba għall-AirMalta iżda wkoll għas-settur tat-turiżmu, specjalment meta jiġi kkunsidrat li l-linja tal-ajru qiegħda tikkontribwixxi ħafna għat-tkabbir qawwi fin-numru ta’ turisti li jaslu fil-Gżejjer Maltin,” żied Charles Mangion, iċ-Ċermen tal-kumpanija.
Tkellem ukoll il-Ministru għat-Turiżmu, Konrad Mizzi, meta qal li l-AirMalta attirat numru ġdid ta’ turisti minħabba rotot ġodda.
Fl-aħħar sitt xhur l-AirMalta nediet total ta’ 13-il rotta ġdida inkluż tliet servizzi bejn pajjizi Ewropej.
Il-linja tal-ajru rnexxielha ttejjeb l-utilizzazzjoni tal-ajruplani tagħha konsiderevolment u qiegħda wkoll taħdem sabiex tiżgura li l-ajruplani tagħha jtiru aktar sigħat sa 12-il siegħa kuljum fix-xitwa u 14-il siegħa fis-sajf, bl-ispiża tinfirex fuq aktar rotot li twassal għal żieda fid-dħul tagħha.