334 persuna arrestata fl-Italja b’rabta mal-mafja

Il-Pulizija arrestat 334 persuna f’waħda mill-ikbar ħidmiet tagħha kontra l-mafja fl-Italja.

Il-mafja ‘Ndrangheta hija bbażata fir-reġjun Kalabrija fin-Nofsinhar tal-Italja u għaddiet lill-grupp mafjuż Cosa Nostra fil-kobor tagħha u bħala waħda mill-ikbar klikek kriminali fid-dinja.

Il-Pulizija qabdet mijiet ta’ nies suspettati kmieni dalgħodu, mhux biss fl-Italja imma anke fil-Ġermanja, fl-Iżvizzera u fil-Bulgarija. Fost l-akkużi hemm reati mafjużi, qtil, frodi u ħasil tal-flus.

Il-Prosekutur Nicola Grattieri qal li kien hemm politikanti involuti, u anke avukati, accountants, uffiċjali pubbliċi u segretarji fil-qrati. Spjega li n-nies mafjużi ma jirnexxilhomx jagħmlu ħasil tal-flus sofistikat, u b’hekk jiġu bżonn il-professjonisti.

Kien ilu ma jsir arrest ta’ dan il-kobor fl-Italja mill-1984 meta nqabdu 450 membru tal-Cosa Nostra.

Fost dawk arrestati kien hemm leġiżlatur mill-partit ta’ Silvio Berluscani, is-sindku ta’ villaġġ f’Kalabrija u uffiċjal imlaħħaq fil-Carabinieri.

Din il-ġimgħa ġew iffriżati l-assi ta’ Antonio Ricci, sid ta’ kumpanija tal-gaming f’Malta, li ilu joqgħod Malta għal 10 snin. Dan ukoll qed jiġi investigat b’rabta mal-mafja ‘Ndrangheta.