333 Malti investigati b’rabta mal-Panama Papers u Swiss Leaks

Read in English.

333 Malti kienu investigati b’rabta mal-Panama Papers u Swiss Leaks. Dan qalu l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna hu u jwieġeb żewġ mistoqsijiet parlamentari relatati tad-deputat tal-Oppożizzjoni Claudio Grech.

Ħareġ li l-gvern irkupra aktar minn €27.6 miljun tat-taxxi mhux imħallsa bħala riżultat tal-investigazzjonijiet ġurnalistiċi tal-iSwiss Leaks u l-Panama Papers. Dawn iż-żewġ investigazzjonijiet kixfu strutturi offshore użati b’mod sigriet minn ċertu individwi biex jevadu t-taxxa.

237 Malti investigat wara l-Panama Papers

L-investigazzjoni tal-Panama Papers kienet skattat wara li whistleblower ħareġ informazzjoni li kienet tinżamm minn kumpanija tal-liġi fil-Panama, Mossack Fonseca. Il-leak kien żvela li l-eks Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, Keith Schembri, kellhom kumpaniji sigrieti fil-Panama. Is-sid tat-tielet kumpanija, li hija dik magħrufa bħala Egrant, għadu s’issa mhux identifikat.

Minkejja dak kollu li ħareġ fil-pubbliku, la Schembri u lanqas Mizzi ma ntalbu jmorru d-depot biex ikunu investigati dwar dan.

L-awtoritajiet tat-taxxa investigaw 237 persuna Maltija. Minnhom 163 każ kienu konklużi u 74 għadhom pendenti. Dan wassal sabiex €14.23 miljun f’taxxi mhux imħallsa jkunu rikoverati mill-Gvern.

96 Malti investigat wara Swiss Leaks

Intant l-investigazzjoni mlaqqma Swiss Leaks wasslet biex 96 Malti jkun investigat. Fl-2015, l-investigazzjoni Swiss Leaks, li bdiet wara informazzjoni maħruġa minn analista tal-kompjuters Franċiżi Hervé Falciani, ħarġet skema ta’ evażjoni tat-taxxa minn kontijiet tal-HSBC f’Ġinevra.

L-investigazzjoni kienet ħarġet kontijiet sigrieti ta’ żewġ Ministri Nazzjonalisti preċedenti, Michael Falzon u Ninu Zammit.

Scicluna qal fil-Parlament li 96 persuna kienu investigate b’rabta mal-iSwiss Leaks. 94 każ kienu konklużi s’issa, filwaqt li tnejn għadhom pendenti. Il-każi waslu biex ikunu rikoverati €13.42 miljun f’taxxi mhux imħallsa.