“33 sena ilu ġejna ordnati saċerdoti flimkien” – L-Isqof Grech

L-Isqof t’Għawdex Mario Grech, ilbieraħ indirizza lill-Mons. Alfred Xuereb waqt Velja ta’ Talb, fil-Kappella tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù f’Ruma, fejn fakkar kif 33 sena ilu, hu flimkien mal-Mons. Xuereb irċevew l-Ordinazzjoni Presbiterali minn idejn l-Isqof Nikol Cauchi.
Il-Mons. Xuereb, illum se jkun qed jingħata l-Ordinazzjoni Episkopali fil-5pm, fil-Bażilika ta’ San Pietru f’Ruma. Din se tixxandar dirett fuq Newsbook.com.mt.
Fir-riflessjoni tiegħu, l-Isqof Grech fakkru fid-diskors tal-Isqof Cauchi u saħaq li sabiex ikun strument effettiv tal-komunjoni, għandu jżomm ħarstu fuq is-salib u jimita lil Ġesù.
Kompla jgħid li Mons. Xuereb irid ikun prinċipju viżibbli u fundament tal-għaqda.
Fir-riflessjoni tiegħu, l-Isqof Grech spjega kif illum il-ġurnata, il-bniedem għandu sfidi kbar. Beda billi semma l-frammentazzjoni tal-ħsieb hekk billi qal li bosta jimxu bl-emozjonijiet u skont ir-riħ, minflok bi ħsieb sod, robust u profond.
Semma wkoll il-frammentazzjoni tal-qalb fejn spjega li l-qalb tal-bnedmin trid tinqasam fuq ħafna oġġetti, tant li jgħid li l-bniedem jħobb “b’biċċa lil dak li suppost iħobb b’qalbu kollha.”
Huwa appella lill-Mons. Xuereb sabiex ikompli jwassal il-verità li ddawwal il-menti ta’ kulħadd, biex jakkumpanja lill-poplu ta’ Alla sabiex jikseb viżjoni ċara ta’ xi jrid fil-ħajja, u jgħin lill-poplu jsaħħaħ il-ħbiberija tiegħu ma’ Alla permezz ta’ Ġesù Kristu.
Iċ-ċelebrazzjoni inkludiet qari mill-Kelma ta' Alla u mis-Santi Padri dwar il-Ministeru tal-Isqof, kif ukoll riflessjonijiet mill-Arċisqof Xuereb u l-Isqof Grech. 

Mons. Alfred Xuereb, wieħed mis-saċerdoti tad-Djoċesi ta’ Għawdex, intagħżel mill-Papa sabiex isir Nunzju Appostoliku tal-Korea t’Isfel.
F’Għawdex ilbieraħ inġabru għadd ta’ nies waqt Via Sagra Djoċesana fuq l-Għolja ta’ Għammar, immexxija minn Dun Gerard Buhagiar, sabiex isir talb speċjali għal Mons. Alfred Xuereb.
Ritratt: Djoċesi ta' Għawdex