32 xahar ħabs wara li temm il-ħajja ta’ tifel b’sewqan traskurat

Raġel ta’ 40 sena ngħata 32 xahar ħabs wara li nstab ħati li minħabba traskuraġni fis-sewqan temm il-ħajja ta’ tifel t’10 snin.
L-inċident kien seħħ sentejn ilu, meta Fatih Pancar, li huwa Tork, tajjar lit-tifel, Rodwan Aghil, involontarjament, meta dan tal-aħħar kien qed jaqsam it-triq quddiem il-grawnd tal-Luxol is-Swieqi.
Fil-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo, instema’ kif parti kbira mit-tort kienet tat-tifel, li qasam għal għarrieda mingħajr ma uża l-post ta’ qsim (zebra crossing).
Madankollu, ir-raġel kien qed isuq b’veloċità eċċessiva fi triq li m atippermettilekx dan, u l-aktar għax tinsab qrib ta’ skola u post fejn isir l-isports.
Barra minn hekk instab li kiser regolamenti oħra, ngħidu aħna qabeż il-karozzi minn linja sħiħa bajda.
Dawn kollha, innutat il-Qorti, ma ħallewx lit-Tork jinduna bit-tifel li qasam f’daqqa, u forsi jevita l-inċident, u sussegwentament il-mewt.
Minbarra s-sentenza msemmija, ir-raġel irid iħallas ftit aktar minn €3,000, u kellu l-liċenzja tas-sewqan sospiża għal 4 snin.
Newsbook.com.mt kien tkellem m'oħt il-vittma.