32% tal-ġugarelli fl-UE mhux konformi mar-regoli

32% ġugarelli UE regoli tfal

Il-Kumitat għas-Suq Intern tal-Parlament Ewropew (PE) ivvota favur rapport li jippromwovi aktar konformità u infurzar tar-regoli biex ikun hemm prodotti aktar sikuri fl-Unjoni Ewropea (UE) fejn instab li mat-32% tal-ġugarelli mibjugħa ma humiex konformi mar-regoli tal-UE.

Ir-rapport isemmi wkoll li spezzjonijiet konġunti mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq juru li 58% ta’ prodotti elettroniċi, 47% ta’ prodotti tal-kostruzzjoni u 40% ta’ ekwipaġġ protettiv personali ma jilħqux rekwiżiti ta’ sigurtà jew ta’ informazzjoni għall-konsumatur stipulati mil-liġijiet tal-UE.

Il-Membru tal-Parlament Ewropew Taljan Nicola Danti qal li bosta skandli reċenti li laqtu s-suq Ewropew juru li prodotti li mhux konformi mar-regoli għadhom jiċċirkolaw fis-suq. Huwa qal li prodotti ta’ dan it-tip inaqqsu l-fiduċja tal-konsumatur fis-suq Ewropew, huma ta’ riskju għall-istess konsumatur u joħolqu kompetizzjoni mhux ġusta għal negozji li jimxu mar-regoli.