32 rakkomandazzjoni dwar il-vjolenza domestika

Ġew ippreżentati 32 rakkomandazzjoni dwar il-vjolenza domestika li ħarġu minn riċerka li saret mid-Dipartiment tal-Istudju tal-Ġeneru, fil-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà fl-Università ta’ Malta.
Ir-rakkomandazzjonijiet mir-riċerka kwalitattiva, li saret fi sħubija mad-Dipartiment tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Ministeru għall-Ugwaljanza, ġew ippreżentati lill-Ministru għall-Ugwaljanza Helena Dalli.
Dawn jinkludu l-bżonn ta’ kampanji ta’ għarfien, taħriġ speċjalizzat, promozzjoni ta’ sensittività dwar is-sessi fis-sistema ġudizzjarja, linji gwida u taħriġ lill-uffiċjali u investigaturi li jiltaqgħu mal-vittmi u l-aggressuri, dispożizzjoni legali aħjar, li d-distakk bejn id-disponibbilità tas-servizzi u l-aċċessibbilità tkun indirizzata, servizzi speċjalizzati f’Għawdex, kollaborazzjoni bejn l-aġenziji, l-integrazzjoni tas-sessi f’oqsma ta’ politika u aktar riċerka.
8 oqsma li jżidu l-ostakli għall-vittmi
Ġew identifikati wkoll tmien oqsma prinċipali li jżidu l-ostakli għall-vittmi nisa f’Malta u f’Għawdex meta jfittxu l-għajnuna f’diversi servizzi tal-istat u dawk volontarji.
L-aktar ostaklu komuni kien wieħed kulturali u li hu kkawżat minn mistħija tas-sitwazzjoni li jsibu ruħhom fihom l-vittmi minħabba l-mentalità tas-soċjetà patrijarkali.
Instab ukoll li l-aggressuri huma l-ostaklu ewlieni meta wieħed ifittex l-għajnuna minħabba li jkollhom tendenza li jkunu manipulattivi u kontrollanti.
Iktar ostakli huma dawk soċjoekonomiċi minħabba sfidi relati ma’ impjieg u dipendenza ekonomika.
Ir-riċerka turi li t-tfal huma fattur primarju biex iwassal lill-vittma jħalli relazzjoni abbużiva filwaqt li hemm każijiet oħra fejn it-tfal huma l-fatturi li jżommu lill-vittma milli toħroġ mis-sitwazzjoni abbużiva.
Skont l-istess studju l-vittmi jsibu għajnuna effettiva minn aġenziji publiċi u NGOs. Iżda instab li l-vittmi jħossu li ma kinux infurmati biżżejjed dwar is-servizzi, ir-riżorsi u d-drittijiet tagħhom.
Teżisti wkoll nuqqas ta’ kollaborazzjoni bejn l-aġenziji u nuqqas ta’ speċjalizzazzjoni.
Ostakli oħra jinkludu dawk psikosoċjali u dawk relatati mas-sistema tal-ġustizzja.
Skont ir-riżultati jidher li l-pulizija għandhom bżonn iżidu l-kompetenza tagħhom fit-trattament ta’ sitwazzjonijiet ta’ vjolenza kontra n-nisa. 
Ritratt: DOI – Reuben Piscopo