“32 koppja qed jistennew tarbija bl-IVF” – Chris Fearne

Hekk kif il-Parlament qed jiddiskuti l-Estimi tal-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijun għall-2017, il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li mill-2015, twieldu 75 tifel u tifla bl-IVF.  Żied jgħid li 32 koppja qed jistennew tarbija b’dan il-proċess.
Chris Fearne stqarr li hi diskriminatorja li skont il-liġi, mara bi problema ta’ fertilità, imma li hi f’relazzjoni stabbli jew miżżewġa ma’ raġel, tista’ tagħmel IVF, iżda jekk mara tkun f’relazzjoni ma’ mara oħra u tagħmel dan il-proċess, tista’ tintbagħat ħames snin priġunerija.
Dr Fearne saħaq li wasal iż-żmien li din il-liġi tal-2012 tiġi riveduta u ssir aktar inklussiva.
Qal li f’Mejju li għadda, il-Gvern ħareġ Avviż Legali u ta leave speċjali lill-koppji li għaddejjin mill-IVF. Dawn il-koppji għandhom bejniethom 100 siegħa leave għal meta jkunu għaddejjin mill-proċess.
“Aħna assistenti tan-natura, mhux kmandanti tagħha” – Stephen Spiteri
Min-naħa tiegħu d-Deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri saħaq li “aħna assistenti tan-natura u mhux kmandanti tagħha”. Enfasizza li għandu jkun hemm linji gwida f’saħħithom, hekk kif l-etika f’dan is-suġġett hi ta’ importanza assoluta.
Dr Spiteri spjega li l-Oppożizzjoni m’għandha l-ebda preġudizzji għal tfal li jitwieldu bl-IVF, imma insista li jrid jitħares il-ġid komuni, hekk kif l-embrijun huwa persuna potenzjali. 
“Il-PL beża’ jgħid il-fatti fuq l-iffriżar tal-embrijuni minħabba l-voti” – Godfrey Farrugia
Tkellem ukoll Dr Godfrey Farrugia minn fuq il-bankijiet tal-Oppożizzjoni. Beda d-diskors tiegħu, bil-kliem, “l-abort hu qtil, bħalma hu qtil meta tarbija tinqatel; l-ewtanasja mhix dritt fundamentali tal-bniedem; l-EllaOne hija abortiva; kif tista’ tkun ambjentalist, jekk ma tkunx favur il-ħajja?
Saħaq li l-Gvern ma jistax jitkellem fuq l-avvanzi ta’ drittijiet ċivili, meta lest iċaħħad il-bniedem mid-dritt ewlieni tal-ħajja, meta jkun fl-aktar stat vulnerabbli ta’ ħajtu. 
Godfrey Farrugia qal li llum il-ġurnata m’għadux fil-Partit Laburista u qiegħed mal-Oppożizzjoni għax iħaddan kuxjenza soċjali u għax iħares il-ħajja. Saħaq li l-politiċi għandhom ikunu ċari fi kliemhom u f’għemilhom quddiem il-ħarsien tal-ħajja.
Sostna li l-Partit Laburista staħa u naqas li jgħid il-fatti dwar l-iffriżar tal-embrijuni għax beża’ li jitlef xi vot. Ippropona biex fil-Parlament jitwaqqaf pro life group li jkun favur id-dinjità tal-bniedem u l-inklużjoni.
Appella biex il-Parlament jerġa’ jikkonsidra l-att tal-protezzjoni tal-embrijuni u appella lill-Gvern biex jintroduċi l-mediċina b’xejn għall-koppji li jirdu jagħmlu l-IVF, biex jiffrankalhom mal-€2,200.
Temm jgħid li kif illum nitkellmu fuq l-annimali li m’għandhomx vuċi, għandna aktar u aktar nitkellmu fuq l-embrijuni li m’għandhomx vuċi,  sabiex jiġu mħarsa bit-torċa tal-onestà.
"Il-Maltin ma jkunux jistgħu jadottaw tfal iżgħar minn 4 snin, jekk mhux morda jew diżabbli" – Michael Farrugia
Min-naħa tiegħu l-Ministru Michael Farrugia qal li għad hemm għadd ta’ koppji li jkollhom problema ta’ konċepiment u minkejja li jkun hemm fertilizzazzjoni jkollhom problema biex ikomplu bit-tqala.
Stqarr li huwa vera li wieħed jista’ jaddotta, imma r-realtà tal-adozzjoni hi li minħabba li l-ewwel il-pajjiżi jipprovaw jagħtu t-tfal għall-adozzjoni fil-pajjiż stess, il-Maltin ma jkunux jistgħu jaddottaw tfal iżgħar minn erba’ snin għajr jekk ma jkunux morda jew diżabbli. Saħaq li Malta jeħtieġ li timxi ’l quddiem u tapprova l-liġi tal-iffriżar tal-embrijuni.
"X'jiġri minn embrijun iffriżat li jibqa' ffriżat?" – Claudette Buttigieg
Filwaqt li qalet li huwa inkwetanti li jinħoloq supermarket tal-embrijuni, id-Deputata Nazzjonalista Claudette Buttigieg staqsiet x’jiġri minn embrijun iffriżat li jibqa’ ffriżat.
Qalet li tinsab ixxukkjata li fid-diskorsi dwar l-iffriżar tal-embrijuni ħadd ma rrefera għall-inkjesta indipendenti li għaddejja minħabba possibiltà ta’ ħsara teknika f’inkubatur, li fih kien hemm embrijuni lesti biex jiġu impjantati fl-ommijiet bħala parti mill-proċess tal-IVF. Il-każ kien seħħ fis-27 ta’ Jannar 2017.
Żiedet tgħid li f’dan l-inċident kien hemm involuti mal-20 embrijun u mal-10 koppji. Din ġabet ir-reazzjoni tal-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fejn qal biex wieħed jibqa’ kawt minħabba li l-inkjesta għadha għaddejja. 
Sadanittant, fi stqarrija, in-Nisa Laburisti laqgħu l-aħbar li l-Ministru Fearne se jressaq abbozz ta' emendi biex jibdel il-liġi preżenti tal-IVF. Ikkundannaw l-attitudni, fi kliemhom arroganti u patronizzanti, ta' Claudette Buttigieg fil-konfront tad-Deputat Laburista Rosianne Cutajar.